Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistiku juru li fl-ewwel nofs tas-sena, in-nefqa kapitali tal-Gvern żdiedet bi kważi sebgħa u sebgħin miljun ewro meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet u laħqet kważi €220 miljun.
L-NSO żied jgħid li matul l-ewwel sitt xhur tas-sena, id-dħul tal-Gvern żdied b’aktar minn €266 miljun u qabeż l-elfejn u mitt miljun ewro. Fil-fatt id-dħul tal-Gvern qed jiżdied b’rata ferm tajba frott it-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna fl-aħħar snin.
B’riżultat ta’ żieda qawwija ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol li issa qabżu l-240 elf ruħ, iċ-ċifri tal-NSO juru li bejn Jannar u Ġunju, id-dħul tal-Gvern mill-Income Tax u mill-bolla żdiedu bi kważi €138 miljun.
Ġiet irreġistrata żieda wkoll ta’ kważi €57 miljun mit-taxxa tal-VAT. Min-naħa l-oħra, in-nefqa tal-Gvern żdiedet b’aktar minn mitejn u għaxar miljun ewro.
Iż-żieda fin-nefqa tal-Gvern kienet riżultat ta’ bosta inizjattivi li daħħal il-Gvern fosthom is-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti li sewa aktar minn €16-il miljun, żieda ta’ €15-il miljun oħra f’benefiċċji soċjali u żieda ta’ €9.5 miljun f’mediċini u materjal li jintuża fl-operazzjonijiet.
Joħroġ ukoll li l-imgħaxijiet fuq id-djun tal-Gvern naqsu b’€6.7 miljun meta mqabbel mal-istess xhur is-sena li għaddiet.
Minkejja l-inizjattivi l-ġodda li daħħal il-Gvern matul din is-sena, l-istatistika tal-NSO turi li d-dejn tal-Gvern kien 0.6 miljun biss aktar minn kemm kien fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.