Biex iwieġbu għal facebook page li għamlu dawk ta’ kontra Adrian Delia, dawk favurih fetħu paġna bl-isem “Respect Democracy”.
Din għandha l-għan li ttella’ materjal li jwieġeb għal paġna “PN mill-ġdid rebbieħ” li tħobb twassal ukoll il-messaġġ ta’ “Save Democracy.”
F’din il-paġna l-grupp ta’ Ivan Bartolo u Mark Anthony Sammut ilhom ġimgħat itellgħu messaġġi ċari u diretti kontra Delia.
Issa fuq in-naħa l-oħra, fil-paġna l-ġdida, bdew jitilgħu messaġġi bil-għan li jesponu kontradizzjonijiet ta’ Ivan Bartolo.
Fost oħrajn qabdulu parti minn intervista li fiha kien qal jitlef b’kemm jitlef Simon Busuttil kellu jibqa’ Kap. Iktar minn hekk kien iddikjara li kieku kellu jitlaq Simon Busuttil kien jitlaq hu wkoll. Kif fil-fatt ġara.
Fost oħrajn inkiteb: “Taparsi Nazzjonalisti. Tassew Opportunisti. Nhar is-Sibt, ivvota Iva.”
Fost l-ewwel kummenti mxerrda fuq din il-paġna kien hemm dak ta’ xi ħadd li ma kienx ivvota lil Adrian Delia fl-elezzjoni għall-Kap. F’dan il-messaġġ ta’ persuna li vvotat nhar l-Erbgħa ntqal li “sentejn ilu ħdimt b’ħilti kollha għal kandidat fl-elezzjoni tal-Kap, li ma kienx Adrian Delia. Dak kien dritt tiegħi. Illejla se nivvota IVA għal Adrian Delia biex jibqa’ Kap, kif tawh il-mandat it-tesserati. Dak dmir tiegħi.”
Iżda tal-paġna l-oħra jaħsbuha differenti. Fiha qed jintqal li Adrian Delia ma jistax iġib il-bidla u l-bidla se jġibuha dawk li għada se jivvotaw biex Adrian Delia jitlaq.