Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta’ Lassana Souleymane- fl-awla ż-żewġ akkużati ma jħarsux darba lejn xulxin – One News

Notifiki

Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta’ Lassana Souleymane- fl-awla ż-żewġ akkużati ma jħarsux darba lejn xulxin

‘Smajna ħoss, rajna bħal donnu dawl ġej minn karozza lejna, u ġew sparati żewġ tiri’. Kliem Mohammad Jallow ta’ 28 sena mill-Gambja, wieħed miż-żewġ vittmi li ntlaqat b’tiri ta’ arma tan-nar allegatament sparati minn Francesco Fenech u Lorin Scicluna, li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Lassana Souleymane u bl-attentat ta’ qtil tiegħu u ta’ persuna oħra fis-6 ta’ April li għadda.

Viżibbilment taħt trawma, il-vittma spjega li dakinhar ħareġ ma’ sieħbu, Ibrahim Bah mill-Guinea, biex jara logħba futbol f’Birżebbuġa, u wara, imxew minn lejn Ħal Far. Jallow irrakkonta li huma u mexjin lejn Ħal Far, raw dawl qawwi ġej għal fuqhom qabel ma ġew sparati żewġ tiri. Emozzjonat għall-aħħar, qal li għall-bidu ħasbu ħoss ta’ logħob tan-nar. Qal li ntlaqat fin-naħa tal-lemin tal-warrani u li kawża tat-tir li nifdu, għadu ma jistax jagħmel l-awrina kif suppost. Xehed li għamel ġimagħtejn rikoverat fl-Isptar Mater Dei fejn intbagħtu Pulizija u Maġistrat, iżda fil-Qorti qal li ma jiftakarx li kellmuh. Bħal sieħbu li diġà ta xhieda tiegħu,  il-vittma m’għarfax lill-akkużati.

Tul is-seduta Lorin Scicluna deher sogħbien jisma’ xhieda ta’ Jallow u ma ħarisx darba lejn Francesco Fenech, li poġġa kemm jista’ jkun ‘il bogħod minnu. Huwa kellu jingħata wens minn qrabatu kemm-il darba, tant li fl-aħħar tas-seduta kellu jżomm ma’ wħud minnhom u biex joħroġ mill-awla.

Matul is-sedua xehed Stephen Cachia, uffiċjal ta’ Transport Malta, li spjega li stħarreġ żewġ karozzi, waħda tal-għamla Toyota Starlet, reġistrata fuq Lorin Scicluna, u l-oħra Volkswagen Golf reġistrata fuq Francesco Fenech.L-Ispettur Caroline Camilleri xehdet li Lorin Scicluna għandu liċenzja biex iġorr armi tan-nar waqt li Fenech qatt ma rreġistra armi fuq ismu.

Il-qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex jitqabbad surveyer jinvestiga jekk sarx xi tibdil fil-karozza li ntużat fir-reat. Il-qorti laqgħet it-talba wkoll biex jinħatar espert forensiku Olandiż biex janalizza l-arma ta’ Scicluna, l-iskrataċ li ġew elevati minn fuq ix-xena tar-reat u l-balal li nstabu fil-katavru ta’ Souleymane.

Il-kawża ġiet diferita għad-29 ta’ Awwissu li ġej fl-10am.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend