Prevista żieda fl-isforzi għal taxxa komuni fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea – One News

Notifiki

Prevista żieda fl-isforzi għal taxxa komuni fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea

Fil-ħames snin li ġejjin il-pressjoni biex tiddaħħal sistema ta’ taxxa komuni għall-pajjiżi kollha Ewropej se tibqa’ hemm jekk mhux tiżdied.

Sostna dan il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alfred Sant f’intervista ma’ one.com.mt dwar il-prospetti finanzjarji u ekonomiċi fl-Ewropa fil-ħames snin li ġejjin.

Dr Sant spjega li hemm żewġ skejjel ta’ ħsieb dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa li pajjiżi kbar bħall-Ġermanja u Franza qed jimbuttaw.

“Tieħu livell fuq ta’ min jixtieq li t-taxxi armonizzati jidħlu fl-istess fassla u jsiru bl-istess mod. Hemm min jixtieq on top of that li l-pajjiżi tal-UE jaddottaw taxxa minima fuq il-profitti tal-kumpaniji li tkun daqshekk jew aktar min hekk u aktar minn hekk jiddeċiedu l-pajjiżi. Iż-żewġ affarijiet ovvjament m’humiex fl-interess ta’ pajjiżna li bena daqstant l-ekonomija fuq is-servizzi f’dawn l-aħħar 20 sena jew aktar,” saħaq Dr Sant.

Għaldaqstant Dr Sant spjega li l-ewroparlamentari Maltin għandhom l-obbligu li jiddeffendu r-reġim ta’ taxxa individwali u d-dritt għall-kunċett ta’ kompetizzjoni tat-taxxi, li huwa kruċjali għal pajjiż bħal Malta b’ekonomija bbażata fuq is-servizzi.

Fisser li s-sistemi preżenti ma għandhomx iħallu lok għall-evażjoni tat-taxxa jew ħasil ta’ flus.

“Għandhom id-dmir li jkunu lesti b’argumenti tekniċi, professjonali u serji nazzjonali fil-kuntest Malti biex juru il għaliex ma jaqblux u ma għandhomx jiddaħħlu dawn l-inizjattivi. Nagħmlu hekk fis-sens onest, fis-sens li naqblu fl-istess mument li għandu jsir kollox biex is-sistemi eżistenti ta’ tassazzjoni ma jintużawx ħalli persuni jew kumpaniji jevitaw milli ma jħallsux it-taxxa jew li jaħbu l-flejjes ħżiena li jkunu ġemmgħu,” fisser l-ewroparlamentari Laburista.

Dwar id-diskussjonijiet rigward il-baġit Ewropew għas-snin 2021-2027, Dr Sant saħaq li minbarra kwistjonijiet relatati mal-Politika Agrikola Komuni u l-fondi ta’ koeżjoni, waħda mill-ikbar fatturi għad-dewmien biex dan il-baġit jiġi ffinalizzat hija proposta biex fondi Ewropej jiġu marbuta mal-istat tas-saltna tad-dritt.

Fisser ukoll li hemm min qed jimbotta l-idea ta’ nfiq fuq materji bħad-difiża.

Dr Sant saħaq ukoll li bl-għażla ta’ Christine Lagarde bħala President tal-Bank Ċentrali Ewropew, waħda mill-ikbar sfidi li se taffaċċja hija li tikkonvinċi lill-gvernijiet Ewropej jaddottaw politika fiskali iżjed miftuħa, ħaġa li l-President preżenti Mario Draghi ftit kellu suċċess fiha.

“Waqt li Draghi kien qed jisħaq fuqha l-ħaġa ma kienx qed jikkonvinċi l-gvernijiet, speċjalment tal-Ġermanja u l-Olanda li l-ħaġa għandha ssir u allura forsi hemmhekk l-iktar impatt ta’ Lagarde jekk jirnexxiliex bir-reputazzjoni tagħha twassal biex il-gvernijiet jaqblu li l-politika tal-baġits tagħhom tkun iktar miftuħa,” qal Dr Sant.

Dr Sant spjega wkoll li fil-ħames snin li ġejjin fadal diversi sfidi finanzjarji, fosthom dik tal-għeluq tal-għaqda bankarja kif ukoll l-għaqda tas-swieq tal-kapitali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend