Ir-residenti tal-Mosta u ta’ Birkarkara, tnejn mill-akbar lokalitajiet f’pajjiżna, se jgawdu b’mod dirett mis-Central Link Project.
Iż-żewġ sindki tal-lokalitajiet li fihom jgħixu madwar 43,000 qalu li r-residenti ser igawdu minn anqas traffiku fil-lokalitajiet tagħhom, anqas ħin ta’ stennija u anqas emmissjonijiet.
Il-proġett ġie approvat mill-awtorita’ tal-ippjannar il-ġimgħa l-oħra u għandu l-għan li jgħaqqad it-Tramuntana tal-pajjiż man-nofsinhar, dan filwaqt li se jara aktar tħawwil ta’ siġar/
Is-Sindku ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech qalet li bħalissa ħafna mit-traffiku qed jgħaddi mill-qalba tal-lokalità b’detriment għall-poplu Kalkariż.
“It-traffic se jonqos drastikament jiġifieri wieħed mhux se jibqa’ jfittex it-toroq interjali ta’ Birkirkara ħa jibda jmur mis-‘Central Link’. Allura sintendi l-ambjent u l-arja tal-poplu Karkariż ħa jiggwadanja immens.”
Debono Grech qalet li t-traffiku qed jidħol fil-qalba ta’ Birkirkara minn żewġ direzzjonijiet u għalhekk qed joħloq aktar konġestjoni fil-qalba.
“Miż-żewġ naħat, jekk ikun ġej mill-Belt ħa jgħaddi min-naħa tal-by-pass biex imur lejn ir-Rabat ħa jipprova jgħaddi mit-toroq ta’ Birkirkara, u li ġej mir-Rabat l-istess.”
Min-naħa tagħha, is-Sindku tal-Mosta Romilda Baldacchino Zarb qalet li l-Mostin se jgawdu minn anqas ħin ta’ stennija fit-traffiku biex jaqsmu lejn in-naħa ta’ isfel tal-pajjiż.
“Bla dubju aħna li nużaw dawn it-toroq ta’ kuljum ilqajna b’sodisfazzjon dan il-proġett. Proġett li se jkun qed jgħaqqad it-tramuntana ma’ nofsinhar u grazzi għalih se jirnexxielna li nnaqqsu t-traffiku skond l-istudji bin-nofs.
Qal li b’dan il-proġett il-poplu Mosti se jgawdi minn anqas ħin ta’ stennija fil-konġestjoni tat-traffiku li se jsarraf fi kwalità aħjar tal-ħajja.
Baldacchino Zarb qalet ukoll kif dan il-proġett se jgħin biex jonqos it-traffiku mit-toroq residenzjali tal-Mosta.
“Għax meta jkollok konġestjoni tat-traffiku nafu li sewwieqa jibdew jgħaddu minn toroq alternattivi u jippruvaw jidħlu fit-toroq residenzjali biex b’hekk huma jgħaġġlu l-ħin li huma jaslu d-dar. Għaldaqstant permezz ta’ dan il-proġett dawn it-toroq residenzjali se jgawdu minn anqas storbju, inqas riskji ta’ aċċidenti u fl-istes sħin arja aħjar. Għalhekk nemmen li bħala Mostin se ngawdu minn dan il-proġett tac-‘Central Link’.
Intant dwar il-proġett irreaġixxa wkoll is-Sindku ta’ Ħal Balzan Ian Spiteri li kkonferma għal kuntrarju ta’ dak allegat, ebda siġra mhi se tinqala’ kemm minn Vjal De Paule u lanqas minn Triq l-Imdina fl-inħawi ta’ Ħal Balzan.
Is-Sindku Spiteri kiteb dan fi tmiem laqgħa urġenti li sejjaħ ma’ Infrastruture Malta, dwar il-proġett.
Saħansitra qal li se jiżdiedu xi siġar minflok it-traffic lights eżistenti.
Huwa żied jippubblika l-pjanta finali li ġiet approvata li fil-fatt turi li s-siġar se jiżdiedu u mhux jonqsu bil-proġett tas-central link.