L-investigaturi fi ħdan it-taqsima tal-omiċidji għadhom qegħdin jippruvaw jistabbilixxu x’kien il-motiv wara l-qtil ta’ Charlene Farrugia, li ġiet irrapporatat nieqsa 11-il sena ilu u baqgħet qatt ma nstabet.
Is-Sibt li għadda, biċċiet minn ġisem Charlene nstabu moħbija f’borża fis-swar tal-Belt. Is-sejba saret wara li John Paul Charles Woods, ir-raġel li nstab ħati ta’ attentat ta’ hold-up fil-Gżira għarraf lill-infermiera tal-isptar Monte Carmeli li ried jitkellem mal-pulizija dwar qtil li seħħ fl-imgħoddi.
Sorsi viċin l-investigazzjoni qalu li Woods ammetta li fis-7 ta’ Novembru 2008, qatel lil Farrugia fl-appartament tagħha fil-Qawra.
Huwa mifhum li r-raġel qatta’ ġisem il-vitma f’biċċiet, ippakkjhom f’boroż taż-żibel u ħbiehom fis-swar li jħarsu fuq dak li kien il-post ta’ ħasil tal-lukanda Phoenicia.
Woods informa lill-Pulizija li dak iż-żmien kellu relazzjoni mal-vittma u li l-motiv jista’ jkun marbut ma’ din ir-relazzjoni. Madanakollu l-istess sorsi qalu li l-fatti dwar dan il-qtil għadhom jridu jiġu stabbiliti għax ir-raġel ma kienx ċar fi kliemu.
Testijiet Forensiċi li jinkludu analiżi tad-DNA, se jistabbilixxu jekk il-fdalijiet li nstabu humiex fil-fatt ta’ Farrugia. Madankollu l-investigaturi huma kważi ċerti li huma tal-vittma minħabba li kien is-suspettat ewlieni bil-qtil tagħha li ħa lill-pulizija fuq il-post.
Woods ġie kkundannat sentenza ta’ seba’ snin ħabs wara li ammetta li seraq ħanut tal-merċa fil-Gżira iktar kmieni dil-ġimgħa.
Charlene għebet fis-7 ta’ Novembru tal-2008, meta l-karozza tagħha dehret l-aħħar dieħla l-Belt mingħajr ma reġgħet ħarġet lura.
L-investigaturi qed jaraw il-possibiltà li t-Toyota Platz griża li kienet tinstaq minn Farrugia ġiet skreppjata.
L-istess sorsi eskludew il-possibilità li l-karozza ntefgħet il-baħar mis-suspettat. Mhux eskluż li wara li qatilha, is-suspettat għabba l-fdalijiet ta’ Charlene fil-karozza tagħha u mar jaħbihom il-Belt.
L-investigaturi għadhom qed ifittxu l-arma li allegatament intużat fil-qtil bis-sorsi jgħid li Woods għadu ma elaborax dwar kif qatilha.