Il-mural ‘Energy Field’ ta’ Gabriel Caruana mogħti lil Heritage Malta – One News

Notifiki

Il-mural ‘Energy Field’ ta’ Gabriel Caruana mogħti lil Heritage Malta

Il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma tat mural dekorattiv taċ-ċeramika bl-isem ta’ ‘Energy Field’ lill-Heritage Malta, li taqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

Il-mural huwa x-xogħol tal-artist qatt minsi, Gabriel Caruana. Oriġinarjament, il-mural kien magħmul minn 49 biċċa individwali, li kienet fuq firxa ta’ madwar 7.5 metri u kienet installata fl-impjant tal-enerġija ta’ Delimara.

“Grazzi għal din l-għotja, qegħdin insaħħu aktar il-legat ta’ Caruana bħala wieħed mill-pijunieri lokali tal-arti moderna. Filwaqt li qegħdin nikkommemoraw artist kbir, qegħdin ukoll insaħħu l-pjattaforma kulturali u artistika għat-talent lokali u għall-artisti lokali biex inkomplu nżidu l-professjonalizzazzjoni fis-settur. Aħna rridu ninvestu aktar fis-settur kulturali u kreattiv li qiegħed dejjem jikber, settur li qiegħed ikompli jissaħħaħ u qed jagħtina spettazzjonijiet għolja,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

Gabriel Caruana (1929 – 2018) kien artist magħruf fil-qasam tal-iskultura, pittura u ċeramika. Hu kien wieħed mill-pijunieri tal-arti moderna, u kien jesprimi ruħu bi skulturi innovattivi artistiċi tal-injam, papier-mâché, objets trouvés, pitturi u ċeramika.

Ix-xogħlijiet tiegħu ġew esibiti f’Malta u kif ukoll lil hinn minn xtutna, fi zmien fejn kien diffiċli biex tivvjaġġa, tibni rapporti u tistabbilixxi ismek lil hinn minn art twelidek. Il-ħbiberija tiegħu u l-kuntatti ma’ artisti, kreattivi u kritiċi tatu esperjenza prezzjuża, introduzzjonijiet u maturità artistika.

B’karriera artistika intesniva ta’ medda ta’ 60 sena, hu rċieva bosta rikonoxximenti fosthom il-Midajla għall-Kisbiet Artistiċi (1999), il-Premju Għarfien Kulyutali (2003), u l-midalja tad-deheb tas-Soċjetà tal-Arti ta’ Malta (2014) għal kontribut tiegħu bħala artist u edukatur tal-arti.

Caruana kien elementari biex jagħmel l-arti kontemporanja aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Fl-1990, irnexxielu jikkonverti mitħna antika f’Birkirkara f’ċentru ta’ arti moderna u flimkien ma’ Mary Rose Caruana, waqqaf il-Mill Art, Culture and Crafts Centre li tfittex li tippromwovi artisti lokali.

Il-mural ta’ Gabriel Caruana se jingħaqad max-xogħlijiet tal-artist li huma parti mill-kollezzjoni tal-MUŻA. Parti mill-mural se jiġi esibit għal numru ta’ ġimgħat fil-bitħa tal-MUŻA sabiex jitgawda mill-pubbliku.

“Heritage Malta se tkun qiegħda toħroġ numru ta’ sejħiet fil-ġimgħat li ġejjin għal installazzjonijiet u wirjiet artistiċi li huma fuq l-istess linja tal-programm tal- MUŻA għas-snin li ġejjin. Dan se jagħti opportunità lill-komunità artistika lokali biex tesebixxi u turi xogħlha,” qal Noel Zammit, l-Aġent Kap ta’ Heritage Malta.

“Dan kollu jifforma parti mill-istrateġija ta’ Heritage Malta biex il-MUŻA jkompli bil-missjoni tiegħu – dak li jkun mużew tal-arti komunitarju,” ikkonkluda Zammit.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend