Il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qiegħed jinnomina lil Dr Helena Dalli biex isservi bħala Kummissarju Ewropew.
Huwa ħabbar dan l-Erbgħa waranofsinhar permezz ta’ tweet.
Fi stqarrija il-gvern qal li wara taħditiet li kellu l-Prim Ministru mal-President-eletta tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, dwar in-nominazzjoni ta’ Malta għall-Kummissarju Ewropew, tressaq ‘il quddiem l-isem ta’ Dr Dalli.
Fil-fatt, Dr Dalli se tkun l-ewwel mara Maltija li ġiet nominata għall-Kummissarju.
Hija se tkun qiegħda tieħu post Karmenu Vella li serva fl-aħħar ħames snin bħala l-Kummissarju Ewropew nominat minn Malta, kemm il-darba hija tkun approvata mill-Parlament Ewropew.
Biex tiffoka fuq is-smigħ tagħha quddiem il-membri parlamentari Ewropej Dr Dalli rreżenjat b’effett immedjat minn Ministru, iżda se żżomm is-siġġu parlamentari tagħha sal-ewwel ta’ Novembru, meta l-Kummissjoni Ewropea mmexxija minn von der Leyen mistennija tibda l-ħidma tagħha.
Helena Dalli kienet eletta għall-ewwel darba fil-Parlament Malti fl-1996, fejn serviet bħala Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tal-Prim Ministru. Minn dak iż-żmien sal-lum hija baqgħet tiġi eletta f’kull elezzjoni ġenerali.
Fl-2013 hija nħatret bħala Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, filwaqt li fl-2017 hija nħatret Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.
Matul dawn is-snin bħala Ministru, Dr Dalli kienet xprun biex illum Malta tinsab fil-quċċata tad-drittijiet ċivili kemm fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja.
Fil-fatt, f’dawn is-snin pajjiżna daħħal il-liġi tal-unjoni ċivili u iktar tard il-liġi taż-żwieġ indaqs għal kulħadd, filwaqt li koppji tal-istess sess ingħataw id-dritt li jaddottaw.
Post Dr Dalli fil-Kabinett se jimtela’ mid-deputat Laburista Dr Edward Zammit Lewis, li ser ikun qiegħed jirritorna lura fil-Kabinett wara li fl-aħħar snin serva bħala Ministru għat-Turiżmu.
B’reazzjoni l-Partit Laburista awgura lil Dr Dalli għan-nomina tagħha bħala Kummissarju Ewropew.
Fi stqarrija l-partit qal li m’hemmx dubju li Dr Dalli ntgħażlet għal dan l-irwol riżultat tal-esperjenza li għandha fil-ħajja pubblika. F’kull kariga li serviet tul is-snin għamlet dan b’eċċellenza tant li mexxiet ‘il quddiem fost l-ikbar riformi ta’ dan il-moviment b’mod partikolari dawk marbuta mal-ugwaljanza.
Il-Partit Laburista tenna li mill-gvern qed ikun protagonist f’dik li hi fiduċja fis-sehem tal-mara. Wara li ħatar iż-żewġ Presidenti tar-Repubblika nisa li kellu pajjiżna u l-uniku speaker mara, issa Prim Ministru Laburista qed jinnomina l-ewwel Kummissarju mara.
Din hi nomina f’waqtha meta l-pajjiż qed jiddiskuti riforma biex iktar nisa jagħtu s-sehem tagħhom fil-politika, temmet tgħid l-istqarrija.
Intant il-Prim Ministru irringrazzja lil Karmenu Vella tal-ħidma impekkabbli tiegħu fl-aħħar ħames snin, u qal li jħares ‘il quddiem għal iżjed ħidma f’pajjiżna meta jiskadi t-terminu tiegħu ta’ Kummissarju Ewropew.
I have decided to nominate @helenadalli as @EU_Commission member after discussing profiles of 2 highly qualified individuals with President elect @vonderleyen, within context of competence and gender balance. Helena will be the first female Commissioner nominee from #Malta 1/3
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) July 24, 2019
Helena Dalli is immediately resigning her ministerial post to focus on EP hearing. @ZammitLewisEdw, who already held cabinet posts and is outgoing Chair of Parliamentary Foreign and European Affairs Committee, will take over as new Minister for European Affairs and Equality 2/3
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) July 24, 2019
I would like to thank @KarmenuVella for his sterling work as Commissioner for #Environment, where he led a global campaign against #plastic marine pollution, amongst others. I look forward to his renewed involvement with government-related activities once his term expires -JM 3/3
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) July 24, 2019