Ser jiġi rrestawrat ir-Ridott ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa – One News

Notifiki

Ser jiġi rrestawrat ir-Ridott ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar ir-Ridott ta’ San Ġorġ, li se jiġi rrestawrat mid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. Ir-ridott se jiġi rrestawrat grazzi għall-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali.

Matul iż-żjara, il-Ministru Owen Bonnici għamel referenza għax-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin bħalissa mid-Direttorat, li jipprovdu assistenza kbira biex jikkonservaw il-wirt lokali tagħna.

“Dan il-proġett ta’ restawr f’Birżebbuġa huwa possibbli grazzi għall-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, fejn il-Kunsilli Lokali japplikaw biex jirrestawraw binjiet u monumenti storiċi lokali, biex b’hekk jistgħu jiġu apprezzati minn kulħadd, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-prodott kulturali tagħna. Is-sejħa issa qiegħda fil-5 sena tagħha, u tagħti kontribut siewi għall-Aġenda Nazzjonali għall-istrateġija tal-wirt u l-kultura.”

Hemm partijiet mill-ġebel tar-ridott li qed isofru minn danni bħal tmermir u tfarfir. Dan it-tip ta’ deterjorament jidher l-aktar mal-ħajt ta’ barra. Ir-ridott qiegħed ukoll viċin l-baħar u allura ħafna mill-partijiet qegħdin jitfarfru minħabba l-melħ li ġġib magħħha l-umdità u l-isprej tal-baħar. Ħafna partijiet tal-faċċata tar-ridott qed juru deterjorazzjoni tal-wiċċ tal-ġebla.

It-tikħil tal-fili tal-faċċata tar-ridott kważi kollha waqgħu, b’hekk il-fili huma kollha miftuħa u kważi kollha huma vojta. Dan wassal għal problemi akbar minħabba li l-ġebel ġie laxk u l-ilma jista’ jippenetra s-saff mazkan ta’ warajh. Ir-ridott għandu wkoll saff u tbajja’ bioloġiċi fuq il-parti ta’ fuq u fuq il-kurduna, kif ukoll fuq l-inklinazzjoni tal-wiċċ ta’ fuq tal-parapett.

L-interventi li se jseħħu fuq dan il-proġett se jinkludu t-tindif tal-faċċata u t-tneħħija ta’ tkabbir bioloġiku. Fili li għadhom mimlija se jitnaddfu b’ilma nadif u jerġgħu jiġu mkaħħla kollha. Ġebel immermer se jinqata’ u jiġi sostitwit b’ġebel tal-aħjar kwalità minn barrieri magħżula. Id-daqs tal-ġebel il-ġdid għandha tkun identika ma’ dawk li diġà qegħdin hemm. Xogħlijiet fil-ġebla li huma skolpiti u dekorattivi se jiġu midula permezz tal-użu ta’ mudelli apposta.

Ir-Ridott ta’ San Ġorġ huwa wieħed minn serje ta’ fortifikazzjonijiet mal-kosta tal-Gżejjer Maltin li nbnew fl-1714-1716 mill-Ordni ta’ San Ġwann. Dan ġie mibni fuq is-sit ta’ ċimiterju u jinkorpora l-Kappell ta’ San Ġorġ, li minnu ħa ismu. Apparti li dan huwa l-unika ridott mibni mill-Kavallieri li għandu knisja, huwa wkoll ridott mhux tas-soltu minħabba l-forma nofs tond tiegħu, minħabba li ħafna ridotti huma forma pentagonali.

L- Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali tinħareġ b’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. Bħalissa hemm miftuħ il-5 sejħa ta’ din l-iskema għall-Kunsilli Lokali. L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-30 ta’ Awwissu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend