“Malta tirrispetta s-saltna tad-dritt u soda kontra l-korruzzjoni” – Juncker – One News

“Malta tirrispetta s-saltna tad-dritt u soda kontra l-korruzzjoni” – Juncker

“Dan huwa pajjiż b’valuri b’saħħithom li jirrispetta s-saltna tad-dritt u sod fil-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni”, hekk saħaq il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker fis-sala tat-tron wara taħditiet mal-President ta’ Malta George Vella.

Juncker faħħar it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta u qal li dan jiżboq sew dak fi stati membri oħra ferm ikbar minn pajjiżna.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea li riesaq lejn it-tmiem tat-terminu tiegħu semma kif fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej, Malta saħħet il-vuċi taż-żgħażagħ permezz tal-vot sittax.

Huwa faħħar dan u qal li f’ġenerazzjoni tal-lum fejn l-Ewropa għandha diversi sfidi quddiemha rridu nisimgħu iżjed x’għandhom jgħidu ż-żgħażagħ.

Juncker irrimarka wkoll b’mod pożittiv dwar l-involviment ta’ pajjiżna fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Huwa rringrazzja personalment lill-Prim Ministru Malti Dr Joseph Muscat tas-sehem qawwi tiegħu fid-djalogu kostruttiv biex jinsabu soluzzjonijiet sostenibbli b’rabta ma’ din il-kwistjoni.

“Ma kinitx b’kumbinazzjoni li l-Valletta Summit sar f’Malta biex isib soluzzjonijiet fit-tul dwar l-immigrazzjoni.”, qal Juncker.

Huwa għalaq l-indirizz tiegħu bi kliem sabiħ fuq Malta.

“Malta huwa pajjiż li nħobb tassew, inħobbha wkoll għax titmani tajjeb”, għalaq Juncker b’referenza għall-ikel bnin li jissajjar fil-kċejjen Mediterranji f’Malta.

Intant iktar qabel il-President tal-Kummissjoni Ewropea ngħata l-unur ta’ sħubija onorarja fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu fi grad ta’ kumpann bi stilla.

F’ċerimonja li saret fis-sala tat-tron fil-Palazz il-Belt, il-President ta’ Malta George Vella assista għal din l-investitura.

Min-naħa tiegħu l-President Malti faħħar il-presidenza ta’ Juncker li matulha ħadmet bi sħiħ favur politika soċjali u t-tisħiħ tal-edukazzjoni taċ-ċittadini.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend