L-Uffiċċju tal-kompetizzjoni ħabbar li se jibda investigazzjoni biex jeżamina ż-żieda ta’ 10 ċentiżmi li ħabbret il-kumpanija Malta Dairy Products fil-prezz tal-ħalib.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni qal li f’suq kompetittiv, il-kumpanija hija ħielsa li tistabblixxi l-prezz tal-prodotti tagħha. Madankollu qal li l-uffiċċju jqis il-prodott frisk tal-ħalib tal-Benna għandu pożizzjoni b’saħħitha fis-suq. Qal li f’dan ix-xenarju, kull żieda fil-prezz ma jistax ikun wieħed eċċessiv b’detrimient għall-konsumaturi.
Qal li wara indikazzjoni ta’ żieda fil-prezz, is-sena li għaddiet kellha laqgħa mal-kumpanija u ġiet mgħarrfa li jekk kienet se żżid il-prezz, l-uffiċċju kien se jitlob id-dettalji dwar iż-żieda fil-prezz. L-uffiċċju qal li għalhekk se jibda investigazzjoni biex jeżamina jekk iż-żieda fil-prezz tal-ħaliba hix riżultat tal-pożizzjoni dominanti li l-kumpanija għandha fis-suq bi ksur tal-liġi.