L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’appell li ntavolat qed titlob lill-Qorti tirrevoka u tikkanċella deċizjoni mogħtija mit-Tribunal ta’ Revizjoni tal-Ambjent u I-lppjanar fis-27 ta’ Ġunju 2019. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, restorant fid-Dwejra ngħata permess għal estensjoni.
Fl-appell tagħha, ERA qed tishaq ili t-Tribunal naqas milli japplika jew interpreta ħażin il-Pjan tal-lppjanar relevanti, ċioe I-Istrategic Plan for the Environment and Development (SPED), li jipproteġi l-bijodiversità, il-wirt kulturali, il-ġeoloġija u l-ġeomorfologija. Dan billi, fost oħrajn, iħares zoni protetti.
ERA temmen li t-Tribunal naqas ukoll milli jirrikonoxxi l-aggravju mressaq minnha dwar l-intensifikazzjoni u l-espansjoni tal-iżvilupp fid-Dwejra permezz ta’ dan l-iżvilupp. Is-sit huwa mħares bħala Zona ta’ Ħarsien Speċjali (SPA) u Zona Speċjali ta’ Konservazzjoni (SAC) u jagħmel parti min-Network Natura 2000 minħabba l-importanza ekoloġika tiegħu.
L-applikazzjoni marbuta għal kollox mal-intensifikazzjoni tas-sit, ċioe l-izvilupp, qed issir biex tikber il-kapaċità tas-seating space tar-restaurant in kwistjoni. ERA temmen li din l-estenzjoni ġġib magħha iżjed dawl u ħsejjes li huma ta’ detriment għall-fawna tal-post.
ERA temmen ukoll li fid-deċiżjoni tiegħu, it-Tribunal illimita ruhu għan-nuqqas ta’ intensifikazzjoni tad-dawl, il-fatt li l-canopy hija limitata fid-daqs u li tiżżarma. Madanakollu, injora komplemtament il-fatt li l-iżvilupp ser jintensifika l-użu u jmur kontra l-ispirtu tad-deċizjoni meħuda preċedentement, fejn l-Awtorità għamliltha ċara li riedet tnaqqas l-intensifikazzjoni ta’ dan l-iżvilupp minħabba l-impatt fuq sit tant sensittiv.
ERA temmen li l-iżvilupp ser iwassal biex ikun hemm intensifikazzjoni ta’ light pollution speċjalment bil-lejl, f’zona tant sensittiva għad-dawl u designata bħala Dark Sky Heritage Area. Għalkemm it-Tribunal osserva li l-operat tar-restaurant, inkluż l-użu ta’ dawl artifiċjali jibqa’ taħt skrutinju mill-Awtoritajiet konċernati, huwa aħjar li jiġi evitat l-użu.
It-Tribunal kellu jqis li l-iżvilupp propost huwa ta’ detriment għall-bijodiversità, speċjalment fuq il-popolazzjoni ta’ Scopoli’s shearwater u Yelkouan shearwater li huma magħrufa li jbejtu f’din iż-żona u huma partikolarment sensittivi għad-dawl u l-ħsejjes.
ERA temmen li l-messaġġ li t-Tribunal qed jgħaddi lis-soċjetà huwa inkwetanti, fejn filwaqt li r-regolatur tal-iżvilupp kien kawt li ma jintensifikax l-użu biex jassigura l-protezzjoni ta’ sit kandidat għall-UNESCO, sit protett bħala Natura 2000 u Dark Sky Heritage Area, il-messaġġ mgħoddi mit-Tribunal huwa wieħed avversarju.
Pleased to note that #ERA will be appealing the #Dwejra permit #safeguardingenvironment
— José Herrera (@JoseHerreraMP) July 9, 2019