Il-Partit Nazzjonalista ma jinbidilx. Jew taqbel miegħu jew ikun irid itajjarlek rasek.
Hekk iddikjara l-Partit Laburista b’reazzjoni għas-sejħa li għamel il-Partit Nazzjonalista biex il-Professur Victor Axiaq jitkeċċa minn Chairman tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi.
Filwaqt li minn żmien għal żmien jikkwota mir-rapporti tal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi (ERA) biex jagħmel l-argumenti tiegħu, issa jrid ikeċċi lil Professur Victor Axiaq għax fuq is-Central Link ma qabilx miegħu. Il-PN irid itajjar ras il-Professur Axiaq minkejja li għandu esperjenza twila fis-settur ambjentali u dejjem kien magħruf għall-għerf u l-integrità tiegħu.
Qal li din hi l-attitudni ta’ partit li ma nbidilx u li ma jista’ jkollu ebda kredibbiltà.
Il-proġett kif propost illum, differenti minn kif kien propost fi żmien gvern tal-Partit Nazzjonalista, huwa wkoll ambjentalment iktar ġust.
Fost oħrajn se jkun hemm inqas emissjonijiet u se jkun hemm żieda ta’ 212% f’żoni għas-siġar u l-pjanti tant li sa tmiem il-proġett se jkun hemm 220 siġra iktar milli hemm illum. Il-proġett propost se juża wkoll 57% inqas art agrikola minn kemm propost fi żmien li l-proġett kien propost fi żmien gvern Nazzjonalista.