Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet b’mod definittiv il-mandat ta’ inbizzjoni mressaq mil-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta kontra l-ALPA, l-unjin tal-bdoti.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li l-Air Malta rnexxielha tipprova li għandha jedd li tħares dak li trid il-liġi u għalhekk waqqfet lill-Assoċjazzjoni tal-Piloti milli tordna azzjonijiet industrijali fl-Air Malta.
Kien fil-bidu tax-xahar li l-ALPA ordnat azzjonijiet industrijali biex il-bdoti jittardjaw it-tluq tat-titjiriet b’nofs siegħa.
Dan wara li l-Gvern ma laqax it-talba tal-bdoti li talbu skema ta’ rtirar kmieni tagħhom li magħha kien hemm marbut ħlas ta’ €700,000 għal kull wieħed minnhom anke jekk il-kumpanija tfalli.
Huma kienu qed jisħqu li f’każ li l-Air Malta tfalli, jibqgħu jgawdu minn ftehim li kien sar mal-Gvern fl-2012, li permezz tiegħu ħadu assigurazzjoni li jieħdu din is-somma flus jekk jirtiraw kmieni mix-xogħol meta jagħlqu 55 sena.
L-Air Malta kienet saħqet li l-azzjoni industrijali ordnata mill-ALPA kienet illegali għax ma kellhiex kwistjonijiet pendenti mal-piloti u kull kwistjoni li kien hemm, ġiet solvuta. Żiedet tgħid li l-ALPA naqset milli tonora l-ftehim kollettiv qabel ordnat l-azzjoni industrijali.
B’reazzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi laqa’ d-deċiżjoni tal-qorti u qal li b’hekk twaqqaf l-abbuż mid-dritt tal-istrajk.