€28 miljun investiment għall-proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Korsa taż-Żwiemel – One News

€28 miljun investiment għall-proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Korsa taż-Żwiemel

Il-konsorzju Marsa Race Track Limited se joħloq diversi elementi ġodda fuq l-art li fiha hemm il-korsa taż-żwiemel fil-Marsa.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta filgħodu, ġie spjegat kif, fost oħrajn, se jkun hemm żona miftuħa u park edukattiv, ċentru għall-ħarsien tat-tfal, pitch tal-polo ġdid, dressage u post għal taħriġ.

Se jkun hemm ukoll trakka ġdida, grand stand li jiflaħ tliet elef u erba mitt persuna, parkeġġ għal elf u mitejn vettura u kif ukoll żona kummerċjali mifruxa fuq disa’ sulari.

Il-ftehim mal-konsorzju se jkun ta’ ċens temporanju għal ħamsa u sittin sena, u se jara obbligu ta’ investiment ta’ tmienja u għoxrin miljun ewro f’erba snin.

Iċ-ċerman tal-Malta Racing Club Edwin Borg sostna li investiment bħal dan ma setax ikun sostnut minn entita sportiva, u għalhekk, il-privatizzazzjoni se jagħti nifs ġdid lil dan l-isport.

Kemm għalina bħala Malta Racing Club u kemm għas-sidien taż-żwiemel kollha li dawn jagħmlu investiment kbir ħafna drabi bla ma jieħdu xejn lura f’dan l-isport, issa għall-ewwel darba through dan l-investiment se jkollhom faċilità ta’ standards internazzjonali fejn ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom bi premijiet aħjar ġo ambjent aħjar u ambjent li għandu jiġbed hawnhekk mhux biss dawk in-nies li huma dilettanti taż-żwiemel imma familji kollha u nies oħra minn barra dan l-isport.” Stqarr iċ-ċermen tal-klabb.

Il-proġett tal-privatizzazzjoni kien approvat b’mod unanimu mill-Parlament, b’Pio Valletta, membru fi ħdan il-konsorzju, jispjega kif dan juri kemm il-proġett kien ilu mixtieq.

Hawnhekk sostna kif it-titjib se jkun immirat ukoll biex jiġbed klabbs prestiġjużi barranin.

Intejbuhom b’mod illi jilħqu livelli internazzjonali biex nattiraw nies jiġu juru l-kapaċitajiet tagħhom f’Malta flimkien mal-Maltin għax dik tagħti opportunità lill-Maltin imbagħad li ovvjament ikabbru l-kapaċitajiet tagħhom.” Spjega Valletta.

Ġaladarba jkun iffirmat il-kuntratt, il-korsa trid tkun lesta f’sitt xhur, filwaqt li l-grand stand trid tkun lesta fi żmien tmintax-il xahar.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal li s-sena l-oħra, sittin elf persuna segwew dan l-isport f’Malta, filwaqt li spjega kif l-investiment f’dan il-proġett kien irdupjat.

Ħabbar ukoll li permezz ta’ dal-proġett, se tinħoloq il-Malta Racing Authority, li se sservi bħala r-regolatur.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima stqarr, “Waqt li ħa jibqa’ jkollok dak li huwa magħruf bħala operatur, fl-istess waqt ħa jkollok dak li huwa r-regolatur. Regolatur illi jkun bl-input tal-gvern jista’ jopera b’tali mod u manjiera illi jassigura l-istandards kemm għal dawk li huma faċilitajiet, standards kemm għal dawk illi huma kompetizzjonijiet u standards għal dawk kollha involuti, inkluż iż-żwiemel li huma parti ċentrali ta’ dan l-isport.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend