It-testijiet tad-DNA qegħdin isiru iżjed komuni fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Qrati għax permezz tagħhom mhux biss isaħħu l-każ, iżda jidentifikaw katavri u fdalijiet li jkunu nstabu.
Dawn it-testijiet isiru aktar diffiċli meta l-katavru jkun fi stat qawwi ta’ dekompozizzjoni u meta l-fdalijiet misjuba jkunu għadam.
ONE News tkellem mal-espert forensiku Dr Marisa Cassar. Mingħajr ma daħħlet fl-ebda każ li bħalissa qed jiġi investigat jew għadu sub-judice, spjegat kif f’każijiet bħal dawn, jitfarrku biċċiet mill-għadam misjub biex jinħarġu l-partiċelli u fil-laboratorju jitqabblu mal-bżieq ta’ dawk li x’aktarx huma l-qraba li huwa l-akbar qrib il-vittma.
Spjegat li “l-ewwel jiġu studjati l-għadam biex naraw jekk hux raġel jew mara, imbagħad ġieli jiġu studjati d-‘dental records’ biex naraw mis-snien jistax jiġi iddentifikat min hu. Jekk ma tasalx b’hekk biss tagħmel l-analiżi tad-DNA. Hemmhekk toħroġ id-DNA mill-għadam imbagħad jew tqabblu ma’ xi ħaġa li tkun tal-persuna eżempju jekk hemmx xi maktur tagħha b’xi demm, jew xi toothbrush antika jew inkella tqabbel ma’ relatives.”
F’każ ta’ katavru li jkun għadu fi stat preservat tkun aktar faċli jiġi eżaminat u biex jitqabbel id-DNA.
Dr Cassar qalet li f’sitwazzjoni fejn il-katavru għadu mhux daqshekk fi stat ta’ dekompożizzjoni tittieħed biċċa minn muskolu biex titqabbel ma’ oġġetti jew bnedmin oħra.
Madankollu dan jikkumplika ruħu sew meta ħafna mill-fdalijiet ikunu għadam.
“Naqra ikkumplikata biex minn dak il-frak tal-għadam, li bejn l-għadam ikun hemm is-‘cells’, dawk is-‘cells’ peress li jkunu fl-għadam ikun ġew preservati. Dak imbagħad issir analiżi mill-għadam.”
L-espert forensiku qalet li l-kampjuni jittieħdu f’laboratorju f’Malta stess u hemmhekk issir l-analiżi xjentifika. Qalet li test tad-DNA jista’ ma jkunx definittiv.
Qalet li “fil-verita’ jekk ikun hemm aktar minn persuna nieqsa tal-familja jista’ jkun hemm dak id-dubju ħa ngħid hekk sakemm ma jkunx hemm xi ħaġa speċifika ta’ dik il-familja kif semmejt xi demm pereżempju li tista’ tiġi mqabbla eżatti mall-istess profile. Imma jekk fil-familja jkun hemm persuna waħda biss nieqsa, dawn it-testijiet ikunu biżżejjed biex jikkonfermaw l-identità.”
Dr. Cassar qalet li dawn it-tip ta’ testijiet qed jintużaw ħafna fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija u f’inkjesti Maġisterjali dwar każi kriminali fosthom f’omiċidji, stupru, serq u każijiet oħra.
“F’każijiet kriminali fejn kien hemm xi serqa u kien hemm xi demm ma’ xi tieqa u l-Pulizija jsibu lil xi ħadd li jkun suspettat u jqabblu d-demm miġbur mad-DNA tal-persuna u hemmhekk jekk ikun hemm ‘match’ li dik il-persuna vera tkun daħlet fil-bini. Tintuża l-istess proċedura dejjem u fil-każ ta’ għadam tkun iżjed diffiċli.”
L-espert forensiku Dr Marisa Cassar temmet tgħid li eżamijiet bħal dawn jistgħu jieħdu minn tal-anqas tmien sigħat u f’każijiet anke jiem, dan anke jekk il-fdalijiet ikunu fi stat qawwi ta’ dekompozizzjoni.