Grupp ta’ persuni li qegħdin jopponu s-Central Link Project qed jipproponu li jgħollu l-liċenzji tal-karozzi u li jwaqqfu persuni milli jużaw il-karozza tagħhom f’jiem partikolari hekk kif kien ippropona li jsir il-Partit Nazzjonalista.
Il-proposti saru fi grupp fuq Facebook li nfetaħ bil-għan li grupp ta’ 500 ruħ jintrabtu mas-siġar fit-triq ta’ Ħ’Attard.
Huma pproponew ukoll li l-età li wieħed ikun jista’ jikseb il-liċenzja tas-sewqan titla’ għal 21 sena. Fuq l-istess binarji ġie propost li ġaladarba sewwieq jagħlaq 65 sena awtomatikament tittieħidlu l-liċenzja tas-sewqan anki jekk ikun għadu fi stat mediku tajjeb.
Miżura oħra li qalu li hija intiża li tnaqqas l-użu tal-karozzi bin-nofs hija li tiddaħħal liġi li ma tillimita l-użu tal-karozza f’numru ta’ jiem matul il-ġimgħa.
Madankollu esperti li tkellmu magħna esprimew it-tħassib tagħhom dwar din il-proposta hekk kif persuni li jkunu jifilħu jżommu żewġ karozzi jistgħu iduru ma’ din il-liġi faċilment.
Persuna oħra li qablet ma’ dawn il-proposti żiedet ukoll li l-Gvern għandu jgħolli l-liċenzja ta’ karozzi b’magni kbar bħal vannijiet u trakkijiet.
Miżura oħra proposta hija li jiżdied l-użu ta’ vetturi elettriċi u pproponew għal aktar skemi tal-Gvern sabiex dawn il-vetturi jkomplu jiġu ssusidjati.
Is-Central Link Project huwa proġett ta’ Infrastructure Malta li l-għan tiegħu huwa li jnaqqas it-traffiku miċ-ċentru ta’ Ħ’Attard billi tinbena Bypass ġdida mir-roundabout qabel il-Bypass ta’ Haz-Żebbuġ sal-bini tal-MFSA fl-Imrieħel.
Il-permessi meħtieġa għal dan il-proġett ġew approvati l-ġimgħa l-oħra mill-Awtorità tal-Ippjanar bi 8 voti kontra 3.
L-akbar tħassib tal-ambjentalisti għal dan il-proġett li mistenni jtejjeb rotta li ta kuljum jgħaddu minnha mat-30,000 persuna huwa l-fatt li se jkollhom jitneħħew nunrunta’ siġar tul ir-rotta bejn Ħ’Attard u l-Imrieħel. Sabiex jikkumpensaw għal dan il-periti ta’ Infrastructure Malta se jkunu qed iżidu ż-żoni ħodor b’aktar mid-doppju ta’ li hemm bħalissa.
Is-Central Link Project se jinkludi wkoll l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mill-karozzi f’Malta. Din se tgħaqqad flimkien l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali fuq medda ta’ 4.3 kilometri, il-maġġoranza tagħhom f’żewġ direzzjonijiet.
F’dan il-proġett se tinbena wkoll sistema ġdida għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita bi tliet ġibjuni ġodda li jintużaw għat-tisqija tal-landscaped areas.
Dan il-proġett intlaqa’ mhux ftit minn numru kbir ta’ residenti ta’ Ħ’Attard, ir-Rabat, l-Imtarfa, Had Dingli u l-Mosta li ta kuljum jgħaddu minn din it-triq u jispiċċaw iqattgħu ħin twil imwaħħlin fit-traffiku tul it-triq kollha.
Minħabba li dan il-proġett se jnaqqas it-traffiku miż-żona se jkun hemm ukoll kwalità tal-arja aħjar fl-inħawi tal-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Dan se jġib tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet, fosthom it-trab iswed (particulate matter) u d-dijossidju tan-nitrogenu (nitrogen dioxide).
Is-Central Link ifisser ukoll nifs ġdid lir-residenti taċ-ċentru ta’ Ħ’Attard hekk kif se tispiċċa l-problema ta’ karozzi għaddejjin mit-toroq residenzjali dojoq fil-qalba tal-irħula sabiex jevitaw it-toroq arterjali huma u għaddejjin f’dawn l-inħawi.
Dan se jwassal għal anqas storbju, inqas riskji ta’ aċċidenti u fuq kollox arja aħjar.