Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena li għal dawn l-aħħar 11-il sena kienet rapportata nieqsa, allegatament inqatlet f’appartament fil-Qawra li kien qed jinkera mis-suspettat ewlieni bil-qtil tagħha.
ONE.COM.MT jista’ jiżvela li fl-aħħar sigħat, il-Pulizija kompliet tintensifika l-investigazzjonijiet tagħha b’rabta mas-sejba ta’ fdalijiet ta’ katavru.
Is-sejba tal-fdalijiet tagħha li kienu għadhom fil-boroż instabu s-Sibt li għadda wara żvolta ġdida fl-investigazzjonijiet tal-għajbien tagħha. Ġara li meta s-suspettat ewlieni b’rabta ma’ dan il-qtil John Paul Charles Woods, kien qed jiġi investigat dwar attentat ta’ hold up mill-Gżira, huwa ta nformazzjoni dwar l-għajbien u eventwalment il-qtil ta’ Farrugia li seħħ fl-2008. Hu mifhum li matul il-kors tal-investigazzjonijiet hu ammetta l-involviment tiegħu f’dan l-omiċidju u anke ħa lill-Pulizija fil-post fejn żamm il-fdalijiet tagħha għal dawn l-aħħar 11 il-sena.
Woods ġie arrestat bħal-lum tmint ijiem wara li daħal f’ħanut tal-merċa fil-Gżira b’sikkina u żamm erba’ persuni kontra r-rieda tagħhom filwaqt li prova jagħmel serqa.
ONE.COM.MT hu nfurmat ukoll li Charlene Farrugia li kienet taħdem bħala carer fid-Dar tal-Providenza, inqatlet bl-aktar mod makabru u li fih intużat arma li taqta’. Fil-fatt il-fdalijiet tagħha nstabu f’boroż. S’issa l-investigazzjonijiet iddeterminaw ukoll li t-tfajla nqatlet ħdax il-sena ilu meta ġie rrapurtat l-għajbien tagħha. Woods u Farrugia jidher li kienu ilhom jafu lil xulxin ferm qabel ma’ qatilha.
Għal dawn l-aħħar snin Woods kien residenti fl-Isptar Monte Carmeli, madankollu fl-aħħar jiem hu kien qed jitħalla joħroġ mill-isptar. Wara l-attentat ta’ ‘hold up’, huwa reġa’ ttieħed l-Isptar.
Minkejja li t-Tnejn filgħodu Wood ingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva b’rabta mal-attentat ta’ ‘hold up’, hu għadd irid jitressaq il-Qorti akkużat b’dan l-omiċidju. Sorsi qrib il-Pulizija qalu li dan se jsir la darba jiġi ddeterminat li l-fdalijiet misjuba fil-Belt huma ta’ Farrugia.
Fil-fatt l-istess sorsi qalu li fl-aħħar sigħat ittieħdet għadma mill-fdalijiet misjuba, u ġew mitkellma l-qraba l-aktar qrib ta’ Farrugia, fejn ittieħdilhom kampjun biex eventwalment dawn ikunu jistgħu jitqabblu ma’ xulxin. Dawn l-eżamijiet forensiċi se jsiru f’laboratorju f’pajjiżna fejn bir-riżultati f’idejha, il-Pulizija tkun tista’ tkompli tibni l-każ tagħha fil-Qorti.
Il-każ tal-qtil qed jiġi nvestigat mill-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omiċidji u l-Għassa ta’ Ta’ Sliema.
Intant, Woods ta’ 39 sena ġie kkundannat seba’ snin ħabs wara li t-Tnejn filgħodu tressaq il-Qorti mixli bl-attentat ta’ hold-up minn ħanut fil-Gżira bħal-lum tmint ijiem.Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Woods ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Woods, huwa mwieled l-Ingilterra ilu jgħix f’pajjiżna għal dawn l-aħħar snin.
L-Ispetturi Fabian Fleri, Lydon Zammit u Jonathan Ransley xlew lil Woods li għamel ir-reat bi vjolenza, li kellu fil-pussess tiegħu arma mingħajr liċenzja u li ħebb għal membri tal-Korp tal-Pulizija. Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest dwar żewġ każijiet oħra.
Il-każ tal-omiċidju qed jiġi nvestigat mill-Pulizija mill-iskwadra tal-omiċidji u l-għassa ta’ Ta’ Sliema.