Appell biex itajru lil Delia fi sfond ta’ firda – One News

Notifiki

Appell biex itajru lil Delia fi sfond ta’ firda

Kap immatur, diviżiv u bully.

Dawn kienu kollha kliem iebes diretti bla tidwir mal-lewża lejn Adrian Delia, li uża Mark Anthony Sammut, l-ex President tal-Eżekuttiv f’artiklu li kiteb f’The Times.

Jiem biss ‘il bogħod mill-vot ta’ fiduċja fil-Kap Nazzjonalista, l-eks President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista ma qagħadx jogħmodha.

Il-kelma firda użaha aktar minn darba f’artiklu li ntuża biex jappella sabiex Delia jitwarrab.

Huwa fakkar li fl-aħħar elezzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista ġarrab l-akbar telfa sa mit-tieni gwerra dinjija.

“Qed nirrepetu l-istess żbalji meta nwaħħlu f’xi blogger jew deputati, aħjar inħarsu lejn il-mera”, saħaq Sammut b’referenza diretta lejn it-tmexxija ta’ Delia u sħabu.

Bil-kitba iebsa tiegħu li tixhed kemm il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil lanqas almenu ma tiflaħ tieħu n-nifs ħdejn dik ta’ Delia, Mark Anthony Sammut żied jgħid,“It-tmexxija Nazzjonalista ħliet xahrejn prezzjużi meta lanqas riedu jpoġġu t-tmexxija tagħhom għal test”.

Qal ukoll li għalhekk kien kostrett biex flimkien ma’ Ivan Bartolo jressaq petizzjoni biex taqta’ ras Delia.

Huwa kompla jiskonġra billi spjega li huwa kien l-ewwel wieħed li tah eżempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet billi rriżenja minn President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq it-Times reġa’ semma żbalji kardinali li għamlet it-tmexxija Nazzjonalista fosthom fl-għażla ta’ min kellu jieħu s-siġġu ta’ David Stellini, li fi kliem Sammut kompliet tara aktar ġlied u firda fi ħdan in-nies li jimmilitaw fl-istamperija.

Sammut saħaq ukoll li n-nies li għandu Delia madwaru ġejjin mill-establishment.

Fl-istess artiklu kiteb li l-firda teżisti bil-kbir iżda skont Mark Anthony Sammut din mhux bejn il-fazzjoni ta’ Delia u ta’ Busuttil.

Tassew tħarbixa ħelwa li jġiegħel lil min qed jara l-affarijiet minn barra jitbissem iżda għal dawk li jħufu fil-kurituri tad-Dar Ċentrali kompliet tqajjem furur u ġlied li donnu fil-Partit Nazzjonalista sar il-ħobż u l-ilma tal-ġurnata.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend