Sitt ijiem qabel Adrian Delia joqgħod għall-vot quddiem il-Kunsill Ġenerali, is-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista għadha waħda mimlija diżgwid. Iktar minn hekk, sostnew l-imkejjen tagħna, fil-jiem li ġejjin se tintensifika l-kampanja ta’ dawk li jridu lill-Kap, Adrian Delia, barra. Fil-fatt, intqal lilna minn sorsi fil-PN, l-SMSs li ntbagħtu flaħħar sigħat minn Ivan Bartolo huma biss il-bidu ta’ sforz li hu maħsub biex jitfa’ lil Delia ’l barra mit-tmexxija. Anke jekk Delia qatt ma kkommetta ruħu li jitlaq jekk jitlef il-vot ta’ fiduċja, dawk ta’ kontra tiegħu jafu li għandhom bżonn riżultat negattiv għal Delia biex jissoktaw għaddejjin bil-ħidma tagħhom.
L-istrateġija hi mifruxa fuq tliet binarji.
L-ewwel hu dak li għandu l-għan li jidher l-iktar ġenwin. Nies bħal Ivan Bartolo, l-eks kandidat, se jkunu qed jagħmlu appell dwar kemm hu importanti li Delia jinbidel biex l-Oppożizzjoni terġa’ ssir b’saħħitha u skont huma tkun salvata d-demokrazija f’pajjiżna. Għal dan il-għan se jkomplu jintbagħtu messaġġi bil-mobile u hemm maħsuba korrispondenza oħra mal-kunsillieri. Fuq quddiem nett ma’ Ivan Bartolo hemm ukoll Mark Anthony Sammut, eks President tal-Kumitat Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Bħala parti mill-ħidma tagħhom jużaw ukoll il-paġna fuq Facebook PN mill-ġdid rebbieħ u anke artikli fil-gazzetti bl-Ingliż.
Hemm imbagħad it-tieni grupp li qed jaħdem direttament mal-kunsillieri. Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil b’nies bħal David Casa, Jason Azzopardi u oħrajn iktar attivi fid-dieher, bħal Michael Fenech Adami u Nicky Saliba, qed ikellmu direttament lill-kunsillieri. B’dawn tal-aħħar huma impjegati tal-uffiċċju ta’ David Casa minn fejn jikkordinaw din il-ħidma. Dan biex jagħmlu pressjoni qawwija dwar għaliex Adrian Delia m’għandux jibqa’ hemm.
It-tielet binarju huwa l-blogg ta’ Manuel Delia u n-nies ta’ Occupy Justice li għandhom l-għan li jiskreditaw kemm jistgħu lil Adrian Delia. Primarjament huma qed jaħsbu li jagħmlu dan billi jattakkaw l-aġir u l-kondotta ta’ Nazzjonalisti bħalhom li fl-aħħar elezzjoni għall-kap iddeċidew li jingħaqdu ma’ Adrian Delia. Dan kollu f’daqqa għandu jwassal għall-aħħar attakk fuq Delia qabel il-vot ta’ nhar is-Sibt. Min-naħa tiegħu Delia mhux qiegħed idu fuq żaqqu. Hu jinsab għaddej bil-laqgħat u bir-riżorsi tal-partit u nies bħall-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono qed imexxi kampanja ta’ kuntatt mal-kunsillieri. Delia tkellem dwar hekk ukoll meta lbieraħ ħa sehem fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista.
“Irridu ngħaddu minn dan il-proċess biex noħorġu iktar b’saħħitna, u wara nibdew ir-riformi li permezz tagħhom kull min hu ta’ rieda tajba se jkollu ċ-ċans li jaħdem għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista,” qal Delia hekk kif botta dwar “min hu ta’ rieda tajba” ma naqsitx.
Iżda, filwaqt li Delia kien qed jitkellem fuq ir-radju kien għaddej battibekk sħiħ dwar min għandu jew m’għandux dritt jivvota nhar is-Sibt.
Inbidlu l-kunsillieri
Fi stqarrija lbieraħ dawk li ffirmaw il-petizzjoni qalu li kemm ilu li sar Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia nbidlu mijiet ta’ kunsillieri fejn tneħħew attivisti b’esperjenza biex iddaħħlu nies qrib Delia. Skont huma fosthom hemm nies li nkixfu li qed imexxu fake profiles biex jattakkaw lil deputati tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda, dlonk intervjena Francis Zammit Dimech li, f’isem il-Kummissjoni Elettorali, ċaħad li s-sistema mhix waħda trasparenti u ġusta.
“Il-proċess tal-verifika li kien wieħed metikoluż ingħalaq b’mod definittiv nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju 2019,” qal Zammit Dimech.
“Irid jingħad li l-Kummissjoni kellha tivverifika li l-lista tal-kunsillieri hi dik valida sad-data tal-4 ta’ Lulju 2019 meta ssejjaħ l-istess Kunsill Ġenerali u l-Kummissjoni Elettorali m’għandha ebda dritt tikkontesta kif il-kumitati sezzjonali tal-partit f’Malta u Għawdex ikunu għażlu l-kunsillieri biex jirrappreżentaw id-diversi bliet u rħula fl-istess Kunsill Ġenerali, sakemm dejjem saru skont l-Istatut u ma saru l-ebda tibdiliet wara d-data tal-4 ta’ Lulju,” tenna Francis Zammit Dimech fi stqarrija ta’ reazzjoni.