“Wara bħal-lum ġimgħa min jagħmel il-ħsara jrid iwarrab” – Delia – One News

Notifiki

“Wara bħal-lum ġimgħa min jagħmel il-ħsara jrid iwarrab” – Delia

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li wara l-vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali straordinarju ta’ bħal-lum ġimgħa, dawk li qed joħolqu l-ħsara mhux posthom fil-Partit Nazzjonalista.

Fi sfida ċara u diretta lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fuq ir-radju Nazzjonalista, Delia saħaq li dak li sejjaħ bħala tfixkil fil-Partit Nazzjonalista, sar b’intenzjoni.

“Wara min jagħmel il-ħsara mhux postu fil-PN … Kien hemm min prova jfixkel b’intenzjoni.”

Huwa xejjen il-petizzjoni li saret mill-fazzjoni ta’ Busuttil, billi qal li warajh għandu t-tesserati, li fi kliemu qegħdin jiddefendu l-għażla tagħhom.

“Saret petizzjoni ta’ mija, mija u ħamsin – ma ġara xejn. Saret petizzjoni oħra b’eluf ta’ tesserati. Jgħidulek dik kienet għażla tagħna u qed niddefenduha.”

U fi tmiem ta’ ġimgħa oħra kkaraterizzata minn diżgwid, laqgħat jaħarqu, għajjat u tisbit li seta’ jinstema’ minn barra d-Dar Ċentrali, għal Delia din hija differenza fl-opinjoni, li fi kliemu hija s-sabiħ tal-Partit Nazzjonalista.

“Ma nistaw qatt naqblu fuq kollox – dak hu s-sabiħ tal-PN.”

Bil-futur politiku tiegħu mdendel fil-vot ta’ nhar is-Sibt li ġej, Delia fisser kif il-kunsilliera għandhom għażla sempliċi: jew lilu u l-fazzjoni tiegħu, jew ritorn għat-tmexxija mill-establishment.

“Nirrevertu li kap jintażel mill-ftit, jew li jażluh il-ħafna? L-obbligu tagħna mhux li nirritornaw lejn il’ ftit imma nwessaw lejn il-ħafna”

F’dikjarazzjoni oħra intiża lejn Jason Azzopardi, li din il-ġimgħa akkużah li qabbad nies sabiex joħolqu profili foloz fuq Facebook, Delia qal li dan għandu jieqaf u jikkontribwixxi.

“Minflok ngħajjar mill-kompujter, nibgħat il-proposti … Mhux taghti impressjoni li int magħqud imbagħad tmur ixxerred il-firda!”

Il-Kap Nazzjonalista attakka dirett lill-fergħat, fosthom lill-MŻPN li tridu jwarrab mit-tmexxija. Implika li dawn bħalissa m’humiex qed jagħmlu xogħolhom kif suppost.

“Il-fergħat tal-Partit qed jagħmlu xogħlhom?”

U hekk kif it-tmexxija Nazzjonalista qed tkompli bil-pjan li tbiegħ il-każini, Delia fisser li dan huwa parti minn strateġija biex il-partit jimassimizza d-dħul.

“Kienu qed irendulna ritorn il-50 każin?”

Dan minkejja li fil-kampanja għat-tmexxija, Delia għal darba darbtejn wegħed li mhux se jinbiegħu iżjed każini.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend