Il-Membru Parlamentari Ewropew Dr Josianne Cutajar fi stqarrija, saħqet li l-vot ta’ fiduċja f’Ursula Von Der Leyen hu biss il-bidu, hekk kif issa l-Parlament irid jassigura li kull ma ġie mwiegħed jitwettaq.
Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-fatt li wara l-ewwel laqgħa ta’ Von Der Leyen mal-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi, il-President-eletta tal-Kummissjoni Ewropea uriet iktar impenn lejn aġenda soċjali u progressiva.
Dan qalitu hekk kif intemmet ġimgħa impenjattiva fi Strasburgu, fejn il-Parlament Ewropew approva n-nominazzjoni ta’ Ursula Von Der Leyen biex tippresjedi l-Kummissjoni Ewropea.
Cutajar saħqet li ser tkun qed issegwi b’attenzjoni l-ħidma ta’ Von Der Leyen, speċjalment fir-rigward tal-proposti soċjali li kkommettiet ruħha għalihom, fosthom il-bżonn ta’ paga minima ġusta f’kull Stat Membru Ewropew. Dan flimkien mal-impenji ta’ Von Der Leyen fil-qasam ambjentali, liema impenji huma essenzjali fil-kuntest Ewropew. Il-kunċett ta’ ‘Green Deal’ – strateġija fit-tul għall-ħarsien ambjentali, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, sostniet Cutajar.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, Dr Josianne Cutajar issottomettiet stqarrija bil-miktub fil-Parlament Ewropew dwar il-bżonn ta’ Kummissarju għad-drittijiet tat-tfal. Filfatt, waqt id-diskors tagħha, Von Der Leyen tkellmet dwar il-bżonn li d-drittijiet tat-tfal jiġu mħarsa, ukoll permezz tal-Garanzija tat-Tfal. Filwaqt li dan hu pass pożittiv, saħqet Cutajar, hija ser tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lill-inizjattiva tal-Eurochild lejn in-nomina ta’ Kummissarju li jħares il-bżonnijiet tat-tfal.
L-MEP Cutajar sostniet ukoll illi l-Unjoni Ewropea trid tgħaddi mill-kliem għall-fatti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa. L-impenn ta’ Von Der Leyen li tmexxi lill-Unjoni lejn ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-vjolenza domestika u l-vjolenza kontra n-nisa hu pass pożittiv, u hija miżura li Cutajar enfasizzat tul il-kampanja elettorali tagħha. Iżda dan hu biss il-bidu fil-ġlieda internazzjonali kontra l-vjolenza.
Cutajar ikkonkludiet li l-miri ta’ Von Der Leyen jidhru pożittivi u jaqblu mal-viżjoni soċjali tagħha għal Ewropa qrib in-nies. Għaldaqstant hi ser tkun qed taħdem biex tassigura li dik il-viżjoni issa ssir realtà.