Il-proġett tas-Central Link mistenni jagħti nifs ġdid lill-poplu tar-Rabat, l-Imtarfa u Ħad-Dingli li ta’ kuljum irrid jgħaddi mill-qalba ta’ Ħ’Attard biex jgħaddi għan-naħa ta’ isfel tal-pajjiż. Is-Sindki tat-tliet lokalitajiet li fihom jgħixu madwar 18,000 ruħ laqgħu b’mod pożittiv l-aħbar li dan il-proġett issa ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjannar.
Ilkoll irrimarkaw li permezz tal-proġett li jgħaqqad it-tramuntana man-nofsinhar se jonqos bin-nofs it-traffiku.
Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal kif dan il-proġett se jgħin lill-bosta Rabtin fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu li sal-lum il-ġurnata ta’ kull filgħodu jeħlu fit-traffiku. Qal ukoll kif dan il-proġett għandu wkoll diversi aspetti ambjentali fosthom kif se jikber bi tliet darbiet it-tisbiħ taż-żona.
“Meta jkun hemm it-traffiku l-problema hi li tagħmel aktar minn siegħa biex taqbeż l-Imrieħel jiġifieri dan il-proġett żgur li se jtaffi din il-problema u jnaqqasa, jien nemmen li se jelemina u fl-aħħar mill-aħħar tasal fuq il-post tax-xogħol aktar rilassat u l-istudenti jaslu għal-lectures kmieni u b’hekk inkunu solvejna ħafna mill-inkwiet tar-residenti Rabtin filgħodu.”
Is-Sur Daniel Attard, Sindku tal-Imtarfa, irrimarka li Gvernijiet preċedenti dejjem ħallew dan il-proġett fuq l-ixkaffa.
Huwa sostna kif dan il-proġett mistenni jtejjeb bil-bosta l-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti tal-Imtarfa u l-madwar.
“Wieħed irrid iħares lejn l-aspett komprensiv jiġifieri l-effett mhux biss dak ovju jiġifieri l-element tat-traffiku li ovvjament se jonqos sostanzjalment imma wkoll il-kwalita’ tal-ħajja għaliex fl-aħħar mill-aħħar ħadd ma jieħu gost jieqaf fit-traffiku, ħadd ma jieħu gost jibla’ d-duħħan, ħadd ma jieħu gost joqgħod jistenna f’serbut twil ta’ karozzi u allura hemm element komprensiv u l-benefiċċju hu wieħed b’saħħtu ħafna”
Min-naħa tiegħu s-Sindku ta’ Ħad-Dingli, is-Sur Raymond Schembri qal kif id-Dinglin huma l-aktar nies li se jiggwadanjaw minn fost ir-residenti kollha tal-madwar minn dan il-proġett. Huwa qal li Ħad-Dingli huwa l-aktar raħal imbiegħed u huwa ‘l ġewwa sew kemm mir-Rabat u l-Imtarfa.
“Se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs dan għal fatt li se jitneħħew tliet traffic junctions, dik ta’ Ħ’Attard ħdejn Wied Incita, dik ta’ San Anton u kif ukoll ta’ fejn l-MFSA qabel tidħol għal Birkirkara. Ser igawdu wkoll minn arja aktar nadifa peress lill-proġett innifsu se jnaqqas bi 13% l-emmissjonijiet.”
Il-proġett ġie approvat nhar il-Ħamis li għadda waqt laqgħa tal-bord tal-Awtorita’ tal-Ippjannar bi 8 voti kontra 3. Infrastruttura Malta qed tantiċipa li tlesti dan il-proġett sa nofs is-sena 2021.