HUMAN, LIKE YOU! hija l-kampanja nazzjonali li nieda l-gvern Malti dwar it-Traffikar Uman.
It-traffikar uman huwa realtà li qed jolqot id-dinja kollha nkluż lill-pajjiżna, anke jekk mhux daqshekk komuni u għalhekk din il-kampanja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza u eventwalment teduka lin-nies dwar dan il-fenomenu li kull ma jmur qed issir iżjed kommuni.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz tal-Inkwiżitur intqal kif it-traffikar uman ma huwiex relatat biss mal-prostituzzjoni iżda wkoll ma’ xogħlijiet oħra bħal dak tal-ospitalita’ u anke l-kostruzzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni Amministrattiva Julia Farrugia Portelli qalet li fix-xhur li ġejjin il-Gvern ser jippublika għall-Konsultazzjoni Pubblika l-‘white paper’ dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni.
“L-għan tagħna hu li din il-kampnja edukattiva tkun il-bażi tar-riforma kollha bażikament lill-ewwel nispjegaw lill-pubbliku Malti x’inhu traffikar uman biex fil-ġimgħat li ġejjin meta mbagħad iniedhu l-kampanja tal-konsultazzjoni pubblika jekk verament irridu li tkun konsultazzjoni lill-pubbliku jipparteċipa, lill-pubbliku rridu nispjegawlu. Il-ħsieb tagħhna li din is-sena stess il-konsultazzjoni fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni tkun varata.”
Din il-kampanja li se tkun qed tolqot kull settur tas-soċjetà u fost oħrajn se tinforma lill-poplu dwar kif wieħed jista’ jintebaħ b’persuna li tkun qed tiġi ttraffikata, permezz tal-imġiba ta’ dak li jkun u l-espressjoni ta’ għajnejha fost l-oħrajn.
Il-kampanja se tkun qed tħares ukoll lejn possibiltajiet usa’.
“Pereżempju f’Malta qatt ma kellna tfal li jinħatfu u jiġu traffikati f’pajjiż ieħor għall-organi tagħhom, imma jien nixtieq li t-tfal tagħna jkunu preparati. Dik id-darba darbtejn fis-sena li se jsiefru mal-ġenituri tagħhom u jkollhom stedinit min-nie sli ma jafux biex imorru magħhom għal-liem raġuni u għaliex għandna ngħidulhom le nispjegawlom bil-lingwa tat-tfal u se naraw li din il-kampanja timraħ fl-iskejjel bil-mod ikkulurit tat-tfal.”
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li dwar il-ġlieda kontra t-traffikar uman dan il-gvern għandu mandat ċar u b’saħħtu sabiex jipproteġi l-vittmi tat-traffikar uman.
Qalet ukoll lill-istatistika qed turi li madwar id-dinja aktar minn erbgħin miljun ruħ qed jiġu traffikati u għalhekk Malta trid tilqa’ għal kull possibilità.
Il-Konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mis-Sur Giovanni Bressan mill-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni fejn faħħar l-isforzi tal-gvern Malti biex jiġġieled din it-tip ta’ kriminalità organizzata.
B’rabta ma’ din il-kampanja ġie mniedi is-sit trafficking.gov.mt.