Veru, mhux fair! – One News

Notifiki

Veru, mhux fair!

Wara li ktibt l-aħħar darba, kelli ħafna mistoqsijiet. Kien hemm min xammha mal-ewwel, għax lil min tafu tistaqsix għalih. Mhux kull maġistrat jew maġistrata għandhom l-istess tifsila. Anzi hemm ħafna materjal tajjeb u nies b’sens ta’ ġustizzja. Se nitkellem fuq maġistrati nisa, li llum maġġoranza. 

Kellmitni Dr Audrey Demicoli u qaltli li taf li ma kontx qed ngħid għaliha, imma kien hemm nies li staqsewha. Ma kienx fair. Dr Demicoli kellha raġun, għax maġistrata li taħdem u tmexxi, mingħajr ħafna paroli. Biżżejjed li wieħed jgħid kif irnexxielha torganizza s-seduta taż-Żejtun u naqqset ħafna tbatija lin-nies li kien ikollhom seduti mad-distrett taż-Żejtun. Bħalha bl-istess kunjom, hemm Dr Josette Demicoli li kif tidħol il-Qorti fl-Awla 1, issibha dejjem taħdem. Mutur ta’ effiċjenza. Għamlet żmien Għawdex u kienet turi x’issarraf.

Żewġ Għawdxin għaqlin iżewqu l-kwadru. Dr Monica Vella tqassam ix-xogħol bil-ħinijiet, u ftit li xejn tmur żmerċ. Il-kamra tagħha kwieta u bla xenati, għax hi stess kalma u bit-tbissima. L-oħra Dr Simone Grech, pjuttost ġdida bħala maġistrata, imma malajr qabdet l-art kemm fiċ-ċivil u kemm fil-kriminal. Mgħobbija bix-xogħol ukoll, imma meta jkollha s-seduti, u jkun spiss, taraha ġejja minn Għawdex, ukoll bħal Dr Monica Vella, u t-tnejn li huma jridu jagħmlu s-sagrifiċċju tal-Għawdxin li jaħdmu Malta.

Hemm imbagħad il-maġistrata tal-kwiet. Qed ngħid għal Dr Doreen Clarke. Ukoll meta kienet tagħmel is-seduti tal-VAT u kien ikun hemm kwantità ta’ nies, xorta kienet tmexxi u taqta’. Issa għandha qasam aktar diffiċli li huwa tad-drogi, imma il-personalità tagħha tispira ċerta trankwillità.

Fil-qasam tad-droga hemm maġistrata mara oħra. Dr Natasha Galea Sciberras. Meta saret maġistrata ma kontx naf biha minn Adam kif jgħidu, imma malajr bqajt impressjonat kemm taqbad malajr u kemm tgħaddas rasha għax-xogħol. Attenta qisha seqer u l-każijiet u n-nies tiftakarhom u jidher li kollox ikun ċar quddiem għajnejha.

Dr Marse-Anne Farrugia hija persuna li kulħadd jaf li hi intelliġenti, u l-uniku difett li għandha li hi ta’ skruplu kbir. Iddum tirrifletti. Mhux se taqra dak li jkun għaddej minn moħħha għax verament ta’ ftit kliem. Kelma għal bżonn, u daqshekk. Ma jkunx hemm kliem żejjed fl-awla tagħha.

Maġistrata li ma tisraqx ix-xena qatt imma hemm hi, hija Dr Gabriella Vella. Kellna madmad kbir meta daħlet biex tagħmel it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrativa, u fl-istess waqt tagħmel l-għassa fil-Kriminal u hija wkoll attenta u preċiża, minkejja li dan ma kienx il-qasam tagħha bħala avukat. Faċli li titbissem.

Meta saret maġistrata Dr Caroline Farrugia Frendo xi ilsna ħżiena bdew isemmu għax missierha l-ispeaker. Kemm kellhom żball. Kulħadd jirrispettaha għax taħdem ħafna, u tirrispetta lil kulħadd waqt li taf iżżomm id-dixxiplina.

Dr Charmaine Galea kienet effiċjenti meta kienet tinħatar bħala perit legali u aktar bħala maġistrata. Ftit kliem, mistoqsijiet f’waqthom, u kollox jimxi lejn id-deċiżjoni. U għabbewha bix-xogħol.

Maġistrata li ma tibżax mix-xogħol hija Dr Claire Stafrace Zammit, u meta ngħid ma tibżax, fis-sens veru tal-kelma, għax fil-qasam tal-Kriminal jista’ jkun hemm ċerta biża’. U dan urietu bil-provi. B’kunjom qrib hija Dr Yana Micallef Stafrace li għandha ħafna għarfien tal-ħajja tan-nies, għax ħadmet ħafna fil-qrati, u għandha sens tad-dimenzjoni soċjali.

Dr Astrid May Grima tgħabbiet bil-kawżi tal-Familja tal-Kriminal, u huma taqtigħa f’kull waħda minnhom. Illum mhux biss tal-miżżewgin imma wkoll u aktar tal-partners. Turi sabar kbir.

Dr Rachel Montebello u Dr Nadine Lia huma tnejn ta’ ċerta eleganza fl-imġiba tagħhom. Ma hemmx x’tgħid, raffinati fuq it-tribuna.

Il-ġimgħa li għaddiet mort il-qorti t’Għawdex fejn hemm Dr Brigitte Sultana. Konna nafuha bħala avukat tad-Dipartiment tas-Saħħa eċċ. Dhert quddiemha, u kienet mal-ewwel onesta biżżejjed li qaltli li kien hemm rikors li qabeż l-attenzjoni tagħha. Hekk sew…mhux min jaħseb li hu infallibli u dejjem tort ta’ ħaddieħor.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend