The Lion King jibda jintwera fi tmiem il-Ġimgħa – One News

Notifiki

The Lion King jibda jintwera fi tmiem il-Ġimgħa

It-tfulija fid-disgħinijiet kienet imżewqa b’films għat-tfal, liema stejjer għadhom jiġu rrakkontati sal-ġurnata tal-lum. Fosthom l-istorja emozzjonali li jgħaddi minnha l-iljun ċkejken, Simba, li jkun l-eredi ta’ missieru bħala r-re tal-ġugla Afrikana.

Il-film The Lion King, li ħareġ fis-swali taċ-ċinema għall-ewwel darba fl-1994 u li huwa wkoll musical f’West End u Broadway baqa’ jgawdi l-popolarità sal-ġurnata tal-lum.

It-trailer tal-film li se jkun fis-swali taċ-ċinema fl-aħħar ta’ din il-ġimgħa, rawh madwar 40 miljun persuna fuq YouTube.

Il-kritiku tal-films Mario Azzopardi, qal li The Lion King ma japplikax biss għat-tfal, iżda għal diversi ġenerazzjonijiet.

“Il-fatt, u d-Disney hawnhekk fejn jibbrillaw, illi jirnexxielhom jaħdmu films illi l-kbar biex ngħid hekk jistgħu jarawh u jieħdu gost jarawh u jħossu li l-film jappella għalihom. U ż-żgħar jieħdu gost jarawh u jħossu li l-film jappella għalihom”

Minkejja li din is-sena inħadmu mill-ġdid films oħra ta’ Dinsey: bħal Dumbo u Aladdin, il-film The Lion King huma mistenni li jkollu destin ferm aħjar. Dan għal fatt li d-direzzjoni ta’ The Lion King ġiet fdata f’idejn Jon Favreau, li huwa magħġun fil-filosofija ta’ Disney.

“Dan il-film huwa maħdum minn Jon Favreau, direttur li tliet snin ilu kien diġà tagħna film sensazzjonali: The Jungle Book, fejn ukoll għandek annimali li qed jitkellmu u kulħadd qed isaħħar fuqu kif seta’ jsiru dawn l-affarijiet kollha.”

Is-Sur Azzopardi qal li dan huwa film li ma għandux jitilef, mhux biss għall-istorja sabiħa li għandu, imma wkoll għall-fotorealiżmu li jsaħħar lill-udjenza.

“Ara dan il-film u ħu gost apprezza t-teknoloġija li għandna llum fejn kważi jikkonvinċuk li l-annimali vera qegħdin jitkellmu”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend