L-impjiegi f'Għawdex huma strumentali għas-servizz pubbliku | One News

Notifiki

L-impjiegi f’Għawdex huma strumentali għas-servizz pubbliku

“L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Taxxi f’Għawdex mhux biss qiegħed jagħti servizz komplut u sħiħ lill-Għawdxin f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ VAT, taxxa fuq id-dħul u materji ta’ suċċessjoni fost l-oħrajn, imma wkoll qed ikun ta’ kontribut sħiħ għad-Dipartiment f’Malta f’dak li huwa back office.” Hekk sostna l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt żjara li għamel f’din il-fergħa li tinsab fil-Belt Victoria, liema ċentru huwa ta’ pedina importanti ħafna fl-operat ġenerali tad-Dipartiment tat-Taxxa.

Preżentament, f’dan iċ-ċentru jaħdmu 50 ruħ fejn jagħmlu xogħol ta’ proċessar ta’ diversi dokumenti u applikazzjonijiet fosthom għotjiet tal-VAT fuq diversi skemi bħal tiġijiet u funerali, kif ukoll joffru servizzi f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ sottomissjonijiet online ta’ konvenji li jkunu saru min-nutara bbażati f’Malta u Għawdex stess.

Il-Ministru Scicluna fisser kif inizjattiva ta’ din ix-xorta jsaħħaħ il-prinċipju fejn l-Għawdxin qed ikollhom xogħol li qed jingħaddielhom mill-gvern u li jista jsir f’Għawdex stess mingħajr ebda skariġġ żejjed.

Sadanittant, fl-2017, kull settur ekonomiku f’Għawdex irreġistra żieda fil-postijiet tax-xogħol; bl-ikbar żidiet ġew irreġistrati fis-setturi b’impjiegi professjonali, xjentifiċi u tekniċi, fl-amministrazzjoni u s-sapport fejn dawn laħqu kważi 30%, mentri fl-informazzjoni u l-kommunikazjoni it-tkabbir laħaq kważi 25%.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fejn semmiet kif b’ċentru ta’ din ix-xorta mhux biss qed jinħoloq xogħol f’ Għawdex għall-Għawdxin, imma wkoll qed ikompli jiżdied is-servizz li jingħata lill-pubbliku.

“Qed naraw li bi proġett wieħed tkun tista’ taqdi żewġ funzjonijiet; u allura huwa l-impenn tal-gvern li nkomplu naħdmu biex inżidu dawn it-tip ta’ inizjattivi u għalhekk l-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat biex inkomplu niftħu aktar uffiċini flimkien ukoll ma’ reviżjoni tal-ftehim li għandna ma’ diversi Ministeri u awtoritajiet oħra biex inkunu nistgħu nagħtu servizz aħjar lill-pubbliku f’Għawdex.” Il-Ministru Caruana qalet li fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda x-xogħol ta’ rinovar fil-Ministeru għal Għawdex, inkluż fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni, liema xogħol ser ikompli jtejjeb u jsebbaħ l-ambjent fejn jaħdmu l-ħaddiema.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend