Il-President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Yannick Pace ikkundana lill-attivisti Nazzjonalisti li t-Tlieta li għadda heddew ġurnalisti indipendenti waqt li kienu għaddejjin bil-qadi ta’ dimirijiethom barra d-Dar Ċentrali waqt li kienet għaddejja laqgħa taħraq tal-eżekuttiv Nazzjonalista.
Vincent Borg, magħruf bħala Ċensu l-iswed, hedded fotografu tat-Times għax sempliċiment beda jistaqsi lill-kollegi tiegħu f’liema pozizzjoni se joqogħdu sabiex jieħdu l-aħjar filmat meta joħroġ il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mid-Dar Ċentrali.
Fl-argument daħal Godric Marston, attivist Nazzjonalista li kkontesta mingħajr suċċess l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fil-Marsa. Godric li dejjem ikun ma’ Ċensu l-Iswed barra d-Dar Ċentrali, hedded ġurnalista ta’ Newsbook li bdiet tipprova tieħu filmat tal-paniku li qajmu l-attivisti nazzjonalisti.
Il-President tal-Istitut tal-ġurnalisti maltin Yannick Pace ikkundanna lil dawn l-attivisti nazzjonalisti għall-aġir tagħhom. Huwa qal: “Aħna nikkundannaw dan l-aġir. Naħseb għandu jintbagħat xi messaġġ mill-partit li dan mhux aċċettabbli.”
Is-Sur Pace, li bħala ġurnalist kien barra d-Dar Ċentrali, qal li kien hemm tensjoni kbira u l-atmosfera ma kienet xejn pjaċevoli b’attivist ta’ Adrian Delia jhedded ġurnalisti indipendenti.
“Kien hemm tensjoni kbira. Kulhadd jaf it-tensjoni li hemm bħalissa. Ma kinitx xejn pjaċvoli li attivist jgħolli leħnu u jintimida ġurnalist.”
Minkejja li dan l-argument seħħ it-Tlieta li għadda, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għadu ma ħareġ ebda kundanna.
Il-President tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li tkellem ma’ Adrian Delia, iżda ġab l-iskuza li ma kienx jaf b’dan il-każ.
“Lil Dr Delia spjegatlu x’ġara għax hu ma kienx hemm u jien rajt kollox. Qal li ma kienx aware u se jistaqsi u jinvestiga x’ġara.”