Ħalliehom l-art: wissihom li jekk jikkanċellaw kienu se jitilfu €66,000 | One News

Notifiki

Ħalliehom l-art: wissihom li jekk jikkanċellaw kienu se jitilfu €66,000

Mitejn u tmenin tifel u tifla Maltin baqgħu l-art wara li għat-tieni darba f’ġimgħa, aġent privat naqas milli jonora l-impenji tiegħu u baqa’ ma pprovdiex ajruplan sabiex imorru jikkompetu f’tournament magħruf bħala d-Dana Cup fid-Danimarka.

It-tfal min-nurseries tal-Pietà, Ħamrun u Birkirkara kellhom jitilqu minn Malta l-Ġimgħa filgħodu madankollu l-ajruplan li suppost kien mikri għalihom biex jiġborhom baqa’ ma wasal qatt.

ONE News tkellem mal-organizzaturi lokali ta’ dan it-tournament u spjegaw li kollox beda jiġi ppjanat seba’ xhur ilu.

Huma qalu li l-ewwel preferenza tagħhom kienet il-linja Nazzjonali tal-ajru l-Air malta madankollu minħabba li d-daqs tal-kontinġent kien ferm akbar minn kemm jesgħu l-ajruplani tagħha, qabbddu lill-aġent privat Joffrey Mallia.

 

Spjegaw li wara dak li kien ġara ġimgħa ilu ma’ nursery oħra, għamlu kuntatt ma’ Mallia u staqsewh jekk kienx hemm xi problemi bit-titjiriet tagħhom. Huwa baqa’ jassigurahom li kollox kien se jseħħ kif ppjanat u wissiehom li kieku kkanċellaw it-titjiriet kienu se jitilfu s-€66,000 li kienu diġà ħallsuh.

Imħassba dwar dak li seta’ jiġri, l-organizzaturi baqgħu jżommu kuntatt ma’ Mallia li sal-Ħamis bil-lejl baqa’ jsostni li kollox kien lest u qallhom li l-ajruplan kien se jtir kif skedat.  Minkejja dan, il-Ġimgħa filgħodu dak li tant beżgħu minnu l-organizzaturi sar realtà meta Mallia ċempillhom u qalilhom li l-ajruplan ma tarx għax l-aġenzija li nnegozja magħha kienet stmatu ta’ demel.

Hawnekk l-organizzaturi infurmaw lill-ġenituri kollha u dawk li kienu diġà bil-bagilji fl-ajruport biex imorru lura d-dar.

Minn stħarriġ li għamel ONE News jirriżulta, li fil-ħin li suppost telqu minn Malta, l-ajruplan tat-tip Airbus A332 li Mallia qal lill-organizzaturi li kien ġej għat-tfal Maltin kien f’nofs titjira skedata bejn Greenland u Copenhagen, tliet elef kilometru ‘l bogħod minn Malta.

Kelliema għall-ajruport qaltilna wkoll li ma kien hemm l-ebda titjira bin-numru li ngħata mill-aġent skedata li tasal f’Malta. Madankollu sostniet li jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn titjiriet adhoc mhux dejjem ikunu jidhru fuq l-iskeda tal-ajruport.

Sa dan il-ħin, l-organizzaturi sostnew li Joffrey Mallia kien għadu f’kuntatt magħhom pero b’dispjaċir u rabja qalulna li l-prospetti tagħhom li jaslu d-Danimarka b’titjira chartered minn tiegħu kienu kważi impossibbli.

Ftit tal-mumenti wara li ħarġet l-aħbar fuq il-midja lokali, Joffrey Mallia neħħa l-profil personali tiegħu minn fuq Facebook.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend