'Ghost effect' triplu s-Sibt li ġej fiż-Żurrieq | One News

‘Ghost effect’ triplu s-Sibt li ġej fiż-Żurrieq

Il-pirotekniċi tal-kamra tan-nar tal-Madonna tal-Karmnu fiż-Żurrieq jinsabu għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet għal spettaklu kbir tan-nar li se jixgħel is-smewwiet fiż-Żurrieq fit-tnax-il edizzjoni ta’ ‘Magic in the Sky’.

Fl-aħħar jiem crew ta’ One News żar l-għelieqi li minnhom se jinħaraq nar sinkronikazzat mal-mużika. Daniel Zahra mill-Kummissjoni Nar tal-Għaqda Karmelitana qal f’dawn l-aħħar tliet snin għafsu fuq il-varjetá fl-effetti li jaħarqu u l-ilwien sinkronizzat mal-mużika. Spjega li din is-sena komplew jintroduċu wkoll iżjed kunċetti ġodda fil-logħob tan-nar b’mod partikolari fil-ħruq tal-blalen.

“Bażikament hemm dak li jgħidulu l-Ghost Effect illi ilu li daħal numru ta’ snin Malta, pero aħna żviluppajnieħ ftit illi ġibnieħ ghost effect triplu. Jiġifieri dan bażikament wieħed jara ballun jaqleb il-kulur tliet darbiet u jimxi f’direzzjonijiet differenti illi ħa ngħidu hekk meta ħraqna prova tiegħu fuq il-għajn, paxxa l-għajn.”

Qal li din is-sena saru arranġamenti speċjali għal dawk li se jattendu b’mod partikolari għal anzjani u għan-nies bi tfal li jixtiequ jsegwu l-ispettaklu bil-qiegħda.

Dan l-ispettaklu ta’ lejlet il-festa se jibda għall-ħabta tad-9.00 fi triq li miż-Żurrieq tagħti għal Wied iż-Żurrieq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend