Spezzjoni għall-għarrieda li saret il-Ġimgħa filgħodu għal karozzi u muturi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranin fi ħruġ tal-mini ta’ Paceville, wasslu biex madwar ħmistax-il uffiċjal tal-infurzar ta’ Transport Malta flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija, waqqfu u ġabru xejn inqas minn 12-il karozza u mutur li ma kellhomx ikunu fit-toroq. Il-karozzi ħafna minnhom lussużi fosthom Mercedes u SUVs bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni fosthom Taljani, Ingliżi u Pollakki, ittieħdu f’garaxx tal-awtorità fil-Mosta u se jibqgħu jinżammu fih sakemm sidhom iħallas it-taxxa tar-reġistrazzjoni, il-liċenzja tat-triq u penali għal kull jum li l-karozza kienet ilha tinstaq f’Malta bi ksur tal-liġi.
Id-Direttur tal-Infurzar ta’ Transport Malta Clint Axisa qal li kull karozza li tiġi minn barra, għandha 30 jum biex tiġi rreġistrata u lliċenzjata. Qal li bħalissa l-awtorità qed tagħmel diversi roadblocks fuq karozzi bi pjaċi barranin. Qal li “Bħalissa nkunu qegħdin niċċekjaw illi vetturi b’number plates barranin qegħdin niċċekkjaw illi vetturi b’number plates barranin qegħdin skont il-liġi fit-toroq Maltin.”
Saħaq li dawk il-karozzi li kienu fit-toroq kontra l-liġi kienu qegħdin jiteħħew mit-triq wara li jitgħabbew fuq vettura apposta. Qal li “Dawk li qegħdin karozzi insibuhom kontra l-liġi, li mgħandomx l-affarijiet kif suppost inkunu qegħdin niġbru l-karozzi tagħhom.”
Huwa saħaq fuq l-importanza li kull vettura li jkollna fit-toroq Maltin jkollha polza tal-assigurazzjoni u li l-karozza tinstaq mix-xufier veru tagħha. L-iktar ħaġa importanti hu li l-ebda malti ma jista jsuq karozza b’number plate barranin. Is-Sur Axisa sostna li dawk il-karozzi li ma jkunux irreġistrati jinżammu għal ħmistax-il ġurnata sakemm l-individwu jista’ jitlobha lura wara li jħallas dak dovut minnu. Qal li f’każ li s-sid jonqos milli jagħmel dan, il-karozza tiġi ppubblikata fil-gazzetta tal-Gvern biex tkun tista’ tiġi rkantantata.