L-ispazju aċċessibli għall-pubbliku fil-Palazz tal-Belt se jirdoppja | One News

Notifiki

L-ispazju aċċessibli għall-pubbliku fil-Palazz tal-Belt se jirdoppja

L-ispazju aċċessibli għall-pubbliku fil-Palazz, il-Belt se jirdoppja.

Saħaq dan il-Ministru responsabbli mill-Kultura Owen Bonnici meta flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Aaron Farrugia żar ir-restawr li għaddej bħalissa b’investiment ta’ kważi għaxar miljun ewro.

Fil-Palazz il-Belt stajna naraw xogħol importanti li qed isir fuq is-suffett fil-kuriduri tal-palazz u l-ħitan miksija bil-pitturi u arkitettura t’illużjoni.

Il-konservattriċi prinċipali responsabbli minn dan ir-restawr massiċ, Francesca Muscat spjegat kif tul il-fażijiet differenti tar-restawr qed jinkixfu biċċiet ta’ pitturi oriġinali għaliex dan il-palazz ra tibdil tul il-ħakma tal-Kavallieri u tal-Ingliżi.

“Aħna m’aħniex inġibu l-Palazz fl-istat oriġinali tiegħu għaliex dan għadda minn tibdiliet anki waqt epoki differenti iżda qed nirrestawraw dak li qed naraw u dak li qed jikxef riżultat tar-restawr”, saħqet Francesca Muscat li għandha esperjenza mdaqqsa f’dan il-qasam.

Qalet ukoll li mal-21 lunetta bil-pitturi ttieħdu f’laboratorju speċjali fil-Mosta sabiex jiġu restawrati filwaqt li dik li kienet il-plenarja tal-Parlament inbidlet f’ċentru ta’ restawr għal għadd t’affarijiet oħra fil-Palazz.

F’dan il-post hu mistenni li sentejn oħra terġa’ tilqa’ fiha l-Armerija kif oriġinarjament kienet tagħmel.

Ġie spjegat ukoll li kmamar bħal Kappella u kmamar li kienu jintużaw mill-kumitat parlamentari sa ftit taż-żmien ilu se jkunu jistgħu jintwerew il-pubbliku la darba jintemm il-proġett ta’ restawr.

Heritage Malta se tkun qed tuża waħda minn dawn il-kmamar bħala ċentru t’interpretazzjoni fejn il-viżitaturi jintlaqgħu minn spjegazzjoni ta’ dak li dejjem serva bħala ċentru amministrattiv kemm ilha teżisti l-Belt Valletta.

Fi tmiem iż-żjara ta’ dan ir-restawr il-Ministru Dr. Owen Bonnici spjega kif dan huwa parti minn ħidma bla preċedent li qed issir mill-Gvern favur il-konservazzjoni u r-restawr tal-patrimonju Malti.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Dr. Aaron Farrugia qal li qed iħares lejn budget ieħor b’saħħtu ta’ fondi Ewropej wara l-2021.

“Minkejja l-fondi Ewropej, dan il-proġett ta’ restawr ma baqax fuq l-ixkaffa għax għandna Gvern b’finanzi fis-sod u kien kapaċi joħroġ il-kumplament tal-flus għal dan ir-restawr tant importanti”, saħaq Dr. Farrugia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend