L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permess tas-‘Central Link project’ li għandu l-għan li jnaqqas it-traffiku fiż-żona ċentrali tal-pajjiż.
Il-proġett ġie approvat bi 8 voti kontra 3 f’seduta maratona u mqanqla li damet għaddejja ‘l fuq minn ħames sigħat u li fiha tkellmu aktar minn 30 ruħ kemm favur u l-kontra l-proġett.
Il-laqgħa bdiet bi preżentazzjoni mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta l-Inġinier Fredrick Azzopardi. Huwa spjega li l-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid u t-titjib tar-rotta ta’ toqo ewlenin bejn il-bypass tal-imrieħel u r-roundabout fil-bidu tat-telgħa tas-saqqajja f’Ta’ Qali. Qal li bħalissa hemm ammont kbir ta’ traffiku li qed jgħaddi mill-qalba ta’ Ħ’Attard.
Spjega li fl-2006, ġie ppreżentat pjan li kien anke approvat mill-Kummissjoni Ewropea, fejn ġew identifikati interventi bżonnjużi li għandhom isiru fil-pajjiż biex titjieb il-kwalità tal-infrastruttura.
L-Inġinier Azzopardi qal li dan il-pjan kien identifikata wkoll il-problema f’Ħ’Attard.Qal kif is-siġar antiki li hemm bejn il-kappella tal-vittorja sa taħt it-telgħa tas-Saqqajja mhux se jinqalgħu ħlief għal tlieta u li minflokom se jitħawlu 125 siġra. Qal li dawn se jiżdiedu mat-tul kollu flimkien ma’ korsija għaċ-ċiklisti.
Huwa preżenta statistika fejn spjega kif sas-sena 2030 biex sewwieq jinżel mir-Rabat sa’ Ħ’Attard se jibda jieħu aktar minn sagħtejn. Fuq kollox sostna li dan il-proġett se jnaqqas l-emmissjonijiet fl-arja fl-inħawi.Huwa temm jgħid li dan il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar b’50% u se jieħu 57% anqas art agrikola minn dak li propost tlettax-il sena ilu.
Azzopardi għamel ukoll referenza għal studju tal-ekonomista gordon cordina li wera li dan il-proġett se jagħti lura lill-ekonomija, 16-il ewro għal kull ewro li l-Gvern se jinvesti fih.Waqt il-preżentazzjoni tiegħu, il-Pulizija kellha tintervjeni diversi drabi biex issikket persuni li bdew jinterrompu l-preżetnzzjoni. Tul il-laqgħa jintervjenew ukoll bosta membri tal-pubbliku li tkellmu favur u kontra dan il-proġett.
Preżenti wkoll id-Deputati Nazzjonalisti Jason Azzopardi u simon Busuttil b’dan tal-aħħar ħareġ qatta bla ħabel kontra l-proġett għax skontu l-proġett mhux se jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies, iżda se jitfagħha lura.
B’reazzjoni għall-approvazzjoni tal-proġett, il-Ministru għall-Infrasuttura Ian Borg qal li wara 13-il sena fuq l-ixkaffa, issa wasal il-mument biex fil-ġimgħat li ġejjin jibda jitwettaq dan il-proġett li se jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti ta’ H’Attard, Hal Balzan, Birkirkara u eluf ta’ persunii oħra li ta’ kuljum jużaw din ir-rotta ewlenija f’Malta.
Qal li qed iħares il quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjin il-kuntratturi jibdew ix-xogħol meħtieġ u talab biex il-ħidma ssir bl-akbar attenzjoni u bl-inqas impatt fuq dawk kollha li jgħixu, jaħdmu jew jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi.
Temm jgħid li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti biex l-infrastruttura tat-trasport f’pajjiżna tagħmel qabża kbira‘l quddiem fil-kwalità u fl-effiċjenza, sabiex tilħaq b’mod sostenibbli l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna llum u fil-ġejjieni filwaqt li tkompli tagħti lill-familji f’pajjiżna kwalità ta’ ħajja aħjar.