"Is-Central Link Project – Investiment ieħor f'infrastruttura għal ħajja aħjar"– Ministru Ian Borg | One News

Notifiki

“Is-Central Link Project – Investiment ieħor f’infrastruttura għal ħajja aħjar”– Ministru Ian Borg

“Wara li għamel 13-il sena fuq l-ixkaffa, issa wasal il-mument biex fil-ġimgħat li ġejjin nibdew inwettqu s-Central Link Project, investiment li se jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara u lil eluf ta’ persuni oħra li ta’ kuljum jużaw din ir-rotta ewlenija f’pajjiżna.”

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal dan fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara li llum waranofsinhar l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni ta’ Infrastructure Malta biex twettaq dan il-proġett. Central Link Project jinkludi l-bini mill-ġdid u t-titjib tar-rotta ta’ toroq ewlenin bejn il-bypass tal-Imrieħel u r-roundabout fil-bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja f’Ta’ Qali.

Fost oħrajn, Infrastructure Malta se toħloq 7 kilometri ta’ korsiji ġodda, tibni mill-ġdid 13-il junction biex isiru aktar effiċjenti u siguri, filwaqt li tintroduċi 21,700 metru kwadru ta’ żoni b’siġar u pjanti, u ħafna faċilitajiet ġodda għal mezzi tal-ivvjaġġar aktar sostenibbli, fosthom l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq li qatt saret f’Malta.

“Inħares ’il quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjin il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta jibdew ix-xogħol meħtieġ. Qed nitlob li kull ħidma ssir bl-akbar attenzjoni u bil-miżuri kollha mitluba mill-awtoritajiet sabiex niksbu din l-infrastruttura ġdida bl-aktar mod sostenibbli u bl-inqas impatt fuq dawk kollha li jgħixu, jaħdmu jew jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi,” qal il-Ministru Borg.

Spjega li Central Link Project ser ikun qed iwettaq pjan li ilu maħsub fil-Pjanijiet Lokali taċ-Ċentru ta’ Malta sa mill-2006, iżda baqa’ qatt ma sar, b’detriment għall-familji tal-inħawi, fosthom dawk f’Ħal Balzan u Ħ’Attard. “Ma qbadniex u ħadna l-aktar soluzzjoni faċli u bnejna l-bypass b’erba’ korsiji fuq art agrikola li kien ippjanat fl-2006. Minflok, studjajna l-ħtiġijiet tar-reġjun kollu, rajna l-opportunitajiet u l-limitazzjonijiet tat-toroq eżistenti, studjajna b’mod xjentifiku ħafna proposti u impatti differenti u kkonsultajna għal aktar minn sena, biex issa għandna soluzzjoni li mhux biss se tkun qed tuża 57% inqas art agrikola minn kemm kien ippjanat fl-2006, iżda ser tkun qed toffri wkoll ħafna aktar gwadann għar-residenti u anke għal dawk li jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi bil-karozza, b’tal-linja, bil-mixi jew bir-rota.

Fakkar ukoll li Central Link Project huwa mfassal fuq il-politika u l-pjanijiet tat-Transport Master Plan 2025 tal-pajjiż. Fil-fatt, it-titjib tar-rotta ta’ toroq f’dan il-proġett hija waħda minn 29 intervent kruċjali li jingħataw prijorità f’dan il-pjan għat-toroq ewlenin ta’ pajjiżna, sabiex din l-infrastruttura tilħaq il-ħtiġijiet tal-futur ta’ pajjiżna. Central Link Project se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs, anke meta tqis iż-żieda fid-domanda għat-trasport prevista għall-futur. Fl-istess waqt, l-istudji li saru minn esperti indipendenti juru li b’dan l-investiment, ir-residenti u l-ħaddiema ta’ l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali se jgawdu minn kwalità ta’ arja aħjar, b’tnaqqis drastiku fl-emissjonijiet tal-karozzi.

Fl-istess waqt, Central Link Project se jilħaq ukoll mira oħra tal-masterplan u tal-viżjoni tal-Gvern għat-trasport fis-snin li ġejjin, billi jintroduċi għall-ewwel darba f’dawn l-inħawi infrastruttura li tixpruna iżjed persuni jużaw mezzi tal-ivvjaġġar aktar sostenibbli. Dawn jinkludu 10 kilometri ta’ bankini ġodda, pontijiet u mini pedonali u titjib fis-sigurtà u l-kumdità tad-daħliet għat-trasport pubbliku. Il-proġett se jniedi wkoll l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mill-karozzi f’pajjiżna, b’tul ta’ aktar minn 4 kilometri biex tgħaqqad flimkien tliet lokalitajiet. “B’hekk noħolqu konnessjonijiet diretti u aktar siguri bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali għal dawk kollha li jużaw dawn il-mezzi tal-ivvjaġġar.”

Il-Ministru Borg semma wkoll li studju tekniku li sar mill-ekonomista Dr Gordon Cordina aktar kmieni din is-sena juri li Central Link Project, flimkien ma’ sitt proġetti ewlenin oħra tat-toroq li qed isiru minn Infrastructure Malta,  fosthom il-Marsa Junction Project, se jroddu lura lil pajjiżna b’kemm jiswew €1,200 miljun f’arja aktar nadifa, inqas ħin moħli fl-ivvjaġġar u f’inqas spejjeż ta’ fuel u aċċidenti, fil-25 sena li ġejjin. Għal kull €1 miljun li ninvestu f’dawn is-seba’ proġetti, il-ħaddiema u l-familji f’pajjiżna qed jieħu lura €7 miljun f’benefiċċji. B’mod partikolari, is-Central Link Project ser jrodd lura lill-ekonomija ta’ pajjiżna €16 għal kull €1 ta’ investiment f’dan il-proġett għal matul 25 sena mill-ħajja tiegħu.

Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti biex l-infrastruttura tat-trasport f’pajjiżna tagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità u fl-effiċjenza, sabiex tilħaq b’mod sostenibbli l-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna llum u fil-ġejjieni filwaqt li tkompli tagħti lill-familji f’pajjiżna kwalità ta’ ħajja aħjar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend