Julian Micallef ħabib tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, kien qiegħed iqabbad attivist Nazzjonalista sabiex isegwi l-passi ta’ xi nies u joħloq profili foloz fuq Facebook sabiex jattakka lin-nies tal-fazzjoni Busuttil.
Dan l-attivist Nazzjonalist bagħat ittra lil Adrian Delia u qallu li hu tqabbad minn Julian Micallef sabiex jagħmel ċerti affarijiet, li sal-lum il-ġurnata għadu ma jafx jekk kienx jaf b’dawn l-affarijiet, minħabba li Delia u Micallef huma ħobża u sikkina.
“Permezz ta’ din il-kitba hawnhekk qiegħed nikkonfermalek u niddikjara li Julian Micallef kien iqabbadni nagħmel ċertu affarijiet u sal-lum l-ġurnata għadni ma nafx jekk inti kontx taf b’dawn l-affarijiet” – kiteb dan l-attivist nazzjonalista lil Adrian Delia.
L-attivist Nazzjonalista qal li Micallef kien iqabbdu sabiex jattakka lid-deputati qrib ta’ Busuttil, l-aktar lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
“Kien Julian Micallef li bagħatli ritratt tal-ex mara ta’ Jason Azzopardi miegħek Kap, meta kellek attività f’Marsaxlokk, biex intellgħu fuq wall personali tiegħi lejn tmiem tal-kampanja tiegħek,” Kiteb l-attivista nazzjonalista li kien ukoll biċċa waħda ma’ Delia.
Aktar minnhekk, żied li kien Julian Micallef li qabbdu joħloq profili foloz fuq Facebook biex ikun jista’ jużahom sabiex jattakka kandidati u d-deputati Nazzjonalisti. Fl-istess waqt ippubblika l-ismijiet tal-profili foloz li ħoloq.
“Dawn huma ismijiet ta’ fake profiles li Micallef kien iqabbadni nagħmel kull tant żmien biex ikun jista’ jużahom hu biex jattakka u jgħajjar bl-iktar mod dispreġjattiv lil kandidati u deputati nazzjonalisti stess.” – kiteb l-attivist nazzjonalista.
Fost l-ismijiet tal-profili foloz li kien imġiegħel joħloq mill-ħabib ta’ Adrian Delia, kien hemm l-ismijiet ta’ Ċensu Camilleri, Pawlu Muscat, John Theuma, George Piscopo, Marku Sargu, George Formosa, John Formosa, Paul Demanuele, Simon Degabriele, Tony Demanuele.
Intant, dan l-attivist nazzjonalista kiteb lil Delia li huwa qiegħed jgħid il-verità u issa qiegħed jibża’ li Julian Micallef jista’ jagħmel xi ħaġa lilu jew lil qrabatu tiegħu. Huwa kiteb li se jżomm lil Micallef responsabbli jekk jiġri dan.