"Soluzzjonijiet li ma ħadmux tefgħu l-Ewropa f'emerġenza" – Miriam Dalli | One News

Notifiki

“Soluzzjonijiet li ma ħadmux tefgħu l-Ewropa f’emerġenza” – Miriam Dalli

Is-soluzzjonijiet li kienu preżentanti sal-lum quddiem l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari ma ħadmux. Tant li issa poġġew lill-kontinent Ewropew f’emerġenza umanitarja.

Hekk sostniet l-MEP Miriam Dalli, meta fl-irwol ta’ Viċi-President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, kienet qed titkellem f’sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew. Saħqet mal-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Fillandiża li “llum iktar minn qatt qabel iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet  politiċi li jindirizzaw din l-emerġejnza.”

Hawn Miriam Dalli qalet li hemm erba’ prijoritajiet li jridu jkunu indirizzati, li huma; li ma jintilfux iktar ħajjiet, li jkun miġġieled it-traffikar tal-persuni, li tingħata soluzzjoni konkreta għall-pajjiżi l-iktar esposti u li jkun hemm rotot siguri u legali għal min ħaqqu protezzjoni internazzjonali.

Miriam Dalli kellha kliem iebes għal dawk il-pajjiżi li mhumiex tant esposti għal din l-emerġenza u fixklu l-progress biex tkun riformata s-sistema ta’ażil komuni. “Mhux se naċċettaw li din l-isfida ma tkunx indirizzata mill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi,” sostniet Dalli.

L-MEP Dalli spjegat dwar kif għandu jkun hemm mhux biss riforma b’rabta ma’ min għandu responsabbiltà ta’ min jasal u għandu dritt għall-ażil, iżda wkoll tar-ritorn ta’ dawk li m’għandhomx dritt għall-protezzjoni internazzjonali.

Irreferiet ukoll għal soluzzjonijiet ad hoc maqbula bejn grupp żgħir ta’ pajjiżi membri. “L-ironija hi li l-maġġoranza tal-pajjiżi li pparteċipaw huma pajjiżi li jħossu l-ikbar pressjoni,” saħqet l-MEP Dalli li tkellmet ukoll dwar dak li se timbota bħala negozjatur ta’ liġi li se tirregola fond ta’ €10 biljuni fil-qasam tal-immigrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni. “Se nkompli naħdem biex dawn il-fondi jintużaw għal solidarjetà u appoġġ lejn il-pajjiżi membri l-iktar esposti inkluż għal skemi ta’ rilokazzjoni u risistemazzjoni,” żiedet l-MEP Dalli fil-Parlament Ewropew.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend