Fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Nathalie Bonnici fetħet kawża kontra l-kumpanija Maltco tallega li hija r-rebbieħa tal-premju ta’ €820,000 tal-lotterija Quaterno li telgħet xahrejn ilu.
Bonnici qalet li kienet ilha disa’ xhur tilgħab l-istess numri, iżda l-biljett rebbieħ m’għadux għandha għax remietu.
Hija qalet li dakinhar li telgħet il-lotterija ma ntebħitx li qatgħet il-lotterija. Qalet li l-għada li telgħet il-lotterija, binha ddaħħal l-isptar b’emerġenza u jumejn wara daħlet hi l-isptar biex sarilha intervent mediku b’rabta mal-kundizzjoni medika serja li tbati minnha.
Qalet li wara li ħarġet mill-isptar marret tagħmel bħas-soltu billi tilgħab il-pakkett ta’ biljetti li kellha u bħas-soltu ġew skenjati u flokhom ingħatat il-biljetti l-ġodda. Hawnhekk intremew il-biljetti l-antiki.
Bonnici qalet li fil-fixkla ta’ dak li kienet għaddiet minnu fil-ġimgħa ta’ qabel, ma ntebħitx li l-biljett li tat biex jiġu skenjati, inbidlu mal-antiki li magħhom kien hemm il-biljett rebbieħ.
Qalet li għalhekk il-biljett rebbieħ li nxtara minnha ġie skartat u llum m’għadux aktar f’idejha u indunat b’dan kollu wara li seħħ il-każ.
Fid-dawl ta’ dan hija qalet li fetħet kawża biex tagħti provat li l-biljett rebbieħ kien tagħha.