Jitnieda l-Pjan Strateġiku Nazzjonali għas-Saħħa Mentali 2020/2030 – One News

Jitnieda l-Pjan Strateġiku Nazzjonali għas-Saħħa Mentali 2020/2030

Il-Pjan Strateġiku Nazzjonali għas-Saħħa Mentali għas-Snin 2020/2030 tnieda mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika dwar dan il-qasam kien tnieda f’Diċembru tas-sena li għaddiet u għalaq fl-aħħar ta’ Frar li għadda.

Id-Deputat Prim Ministru qal li tul iż-żmien li ilu Ministru għas-Saħħa saru diversi strateġiji dwar diversi oqsma tas-saħħa iżda żgur li hija l-istrateġija dwar is-saħħa mentali li l-aktar li ġġenerat diskussjoni. Is-sottomissjonijiet li saru minn diversi, kemm fuq bażi individwali kif ukoll bħala għaqdiet non-governattivi, kienu ħafna, u kollha servew fit-tfassil tal-istrateġija nnifisha.

“Il-viżjoni tagħna hija li kull persuna f’pajjiżna jkollha d-dritt li tgawdi stat mentali b’saħħtu. Għal dan il-għan jikkontribwixxi kollox, kemm jekk huwa l-ambjent li ngħixu u naħdmu fih, ix-xogħol li attwament nagħmlu, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ta’ mistrieħ u rikreattiv, is-sigurtà fit-toroq tagħna, l-infrastruttura, l-edukazzjoni li nipprovdu liċ-ċittadini tagħna, kollox għandu l-importanza tiegħu u kollox jikkontribwixxi għal saħħa mentali sana tal-poplu tagħna,” sostna d-Deputat Prim Ministru.

F’xi żmien jew ieħor, għal żmien qasir jew twil, kulħadd huwa suġġett għal riskju fis-saħħa mentali tiegħu, madankollu hemm kategoriji ta’ nies li jkunu f’riskju akbar u aktar minn ħaddieħor. “Fost dawn hemm dawk milqutin mill-vizzji bħalma huwa l-abbuż mid-droga u l-alkoħol. Hemm dawk li m’għandhomx l-appoġġ ta’ familja, hemm l-adoloxxenti fi stadji partikolari ta’ ħajjithom, hemm l-anzjani maqbudin f’solitudni. Fil-konfront ta’ dawn kollha rridu nagħmlu sforzi akbar fejn jirrigwarda prevenzjoni. Il-pjan  strateġiku li qegħdin nippreżentaw jaħseb kif dan jista’ jkompli jsir,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa żied jgħid li minkejja dan xorta se jibqa’ l-bżonn għal kura ta’ mard mentali, bl-istrateġija taħseb kif tista’ tingħata l-aħjar kura possibbli. S’issa l-kura dejjem ingħatat primarjament mill-Isptar Mount Carmel, post bi problemi strutturali, għalkemm dwarhom qegħdin jittieħdu azzjonijiet konkreti.

“Dan il-pjan strateġiku mhux imsejjes fuq servizzi mill-Isptar Mount Carmel imma huwa imsejjes fuq servizzi fil-komunità u bl-element bażiku jkun l-integrazzjoni tas-servizzi għall-qasam mentali ma’ dawk għall-qasam fiżiku. Għall-bidu deher li jista’ ma jkunx hemm qbil dwar dan bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni imma b’riżultat ta’ diskussjonijiet wasalna li s-servizzi tas-saħħa mentali u fiżiċi għandhom ikunu integrati. Dan se jkun rifless fil-fatt li l-isptar il-ġdid għall-kura tas-saħħa mentali se jkun jifforma parti mill-kumpless tal-Isptar Mater Dei,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Fir-rigward ta’ aktar ħidma fil-komunità l-pjan jaħseb biex titkattar l-ewwel fost il-familji li membri tagħhom ikunu milqutin minn xi forma ta’ mard mentali u tkompli tiżdied ukoll il-ħidma ma’ Għaqdiet non-Governattivi.

“Huwa pjan kbir u ambizzjuż, imma nemmen bis-sħiħ li bl-entużjażmu fuq kull livell tas-servizz f’dan is-settur se naslu għal dak li qal iċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Psikjatrija Dr Anton Grech li l-qasam tas-saħħa mentali tinbidel minn stat ta’ Cinderella għal dak ta’ Prinċipessa,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Dr Natasha Azzopardi Muscat, Konsulent fis-Saħħa Pubblika, spjegat fid-dettall il-Pjan Strateġiku li huwa maqsum f’erba’ kapitli: Is-Saħħa Mentali hija prijorità għal Malta;  il-Valuri u l-Prinċipji Fundamentali tad-Direzzjoni Strateġika; Ħarsa lejn is-Sitwazzjoni fis-Saħħa Mentali; u t-Tiġdid tas-Sistema tas-Saħħa Mentali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend