Għajjat u tisbit iddominaw l-aħħar laqgħa tal-ezekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li damet aktar minn ħames sigħat u nofs.
Laqgħa li bdiet fis-sitta u nofs tat-Tlieta filgħaxija, bil-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia nstema’ jgħajjat kemm jiflaħ.
Iż-żewġ fazzjonijiet, il-fazzjoni Delia u l-fazzjoni Busuttil, pruvaw jaqblu u jsibu kompromess fuq il-mistoqsija li qed jintalbu jwieġbu l-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju li se jitlaqqa’ fl-aħħar Sibt tax-xahar.
Sorsi fil-laqgħa tal-eżekuttiv żvelaw ma’ ONE NEWS li fil-laqgħa Delia qabad jgħajjat u jsabbat u qal: “jekk ħa ngħajjat il-Kunsill Ġenerali jien, JIEN nissettja d-domanda u jien ngħid min għandu jitkecca”.
B’reazzjoni, il-President tal-Eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione għamilha ċara li huwa lest li jirriżenja jekk l-Eżekuttiv ma jimxix mal-istatut, jiġifieri li l-Kunsill Ġenerali jiddibatti u jivvota fuq il-petizzjonijiet kollha, inkluż dik li ressqet il-fazzjoni Busuttil li sejħet għall-vot ta’ fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u biex jirriżenja.
Iżda wara dan kollu l-fazzjoni Busuttil , daharha mal-ħajt kellha ċċedi, u toqgħod għal dak li ddeċieda Delia.
L-għan tal-fazzjoni Busuttil hu li l-kunsilliera nazzjonalisti jivvutaw dwar il-futur ta’ Delia – meqjus bħala persuna mhux denju li jmexxi l-Partit u li wassal lill-Partit Nazzjonalista għall-ikbar żewġ telfiet elettorali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali.
Wara laqgħa oħra mqanqla li ntemmet f’nofs illejl, ħareġ Adrian Delia u qal li l-mistoqsija li se jivvutaw dwahra l-kunsilliera nazzjonalisti hija dik li propona hu.
Iżda l-fazzjoni Busuttil riedet li l-mistoqsija tkun ibbażata fuq vot iva biex Adrian Delia jerfa’ r-responsabbilità politika għall-qagħda mwiegħra li jinsab fiha l-partit Nazzjonalista u jirriżenja.
Viżibilment skomdu Delia, ma riedx jgħid jekk jirriżenjax jekk il-kunsilliera nazzjonalisti jivvutaw kontrih fil-kunsill ġenerali.
F’nofs il-laqgħa tal-eżekuttiv, x’ħin beda jinstema’ l-għajat u l-istorbju, ħareġ mil-laqgħa u telaq il barra d-deputat tal-fazzjoni Busuttil, Karol Aquilina. Bl-iskuża tkun li għandu impenn ieħor.
Il-ġurnalisti preżenti saqsew lil Adrian Delia dwar l-għajjat u t-tisbit li beda jinstemgħa mil-laqgħa tal-ezekuttiv. Iżda Delia prova jirredikola dan u qal li dak sinjal tajjeb.