Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli ħabbar li Ursula von der Leyen ġiet eletta President tal-Kummissjoni Ewropea.
B’kollox inxteħtu 733 vot. 383 membru parlamentari ewropew ivvutaw favur in-nomina tagħha, 327 ivvutaw kontra u 22 astjenew.
Von der Leyen għalhekk issa saret l-ewwel President mara tal-Kummissjoni Ewropea.
Fl-ewwel reazzjoni, von der Leyen qalet li tinsab onorata u kuntenta b’din il-ħatra. Hija rringrazjat lid-deputati tal-fiduċja li qed juruha. Qalet li din tfisser fiduċja f’Ewropa maqgħuda bejn il-punent u l-lvant, it-tramuntana u n-nofsinhar.
Il-ħidma li għandna quddiema hija waħda twila u rridu nibdew issa, qalet von der Leyen.
Min hawn jiskatta proċess ta’ nomini mill-pajjiżi Ewropej sabiex jinnominaw il-Kummissarji Ewropej. Il-Kummissjoni l-ġdida tibda l-ħidma tagħha fl-1 ta’ Novembru.