Tinfetaħ is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-iskema tar-restawr tal-kunsilli lokali | One News

Notifiki

Tinfetaħ is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-iskema tar-restawr tal-kunsilli lokali

Għal ħames sena konsekuttiva, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz tal-uffiċċju tad-Direttorat tar-Restawr fetaħ is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-iskema ta’ restawr tal-kunsilli lokali. L-iskema għandha l-għan li tassisti l-kunsilli lokali fir-restawr ta’ binjiet u monumenti ta’ valur storiku u/jew artistiku li jinsabu fil-konfini tal-lokalità.

“Il-wirt lokali huwa prijorità fuq l-Aġenda Nazzjonali, u għalhekk, il-preservazzjoni u r-restawr tal-wirt Malti qiegħed isir fuq bażi regolari. Dan qiegħed isir grazzi għal inizjattivi regolari, li jinkludu r-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet storiċi, kif ukoll permezz tal-konservazzjoni ta’ siti storiċi importanti oħra. L-għan ta’ dawn l-inizjattivi huwa biex insaħħu l-prodott kulturali u turistiku, filwaqt li jipprovdi wkoll aktar għarfien, u esperjenza aħjar għaċ-ċittadini tagħna,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

Kull kunsill lokali jista’ jressaq applikazzjoni/proposta ta’ proġett waħda kull sena u din trid tkun relatata ma’ binja jew monument wieħed f’din il-lokalità. Kunsilli lokali li jressqu aktar minn applikazzjoni waħda se jintalbu jagħżlu applikazzjoni waħda u jirtiraw l-oħrajn.

L-iskema tinħareġ mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali permezz tal-uffiċċju tad-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali. S’issa diġà bbenefikaw 21 lokalità minn din l-iskema.

L-applikazzjonijiet għas-sena kurrenti għandhom jittressqu b’email fuq [email protected] u [email protected] mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 30 ta’ Awwissu 2019. Ċempel fuq 23479407 għal aktar informazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss