Il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi se jivvota favur in-nomina ta’ Ursula von der Leyen bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.
Fi stqarrija il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi qal li wara l-wegħdi bil-miktub li għamlet von der Leyen kif ukoll kjarifikazzjonijiet li hija għamlet waqt id-dibattitu dalgħodu, il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi ddeċieda li jappoġġja din in-nomina.
Dan b’kundizzjoni li von der Leyen tattwa dawn il-wegħdiet.
Il-President tal-grupp Iratxe Garcia qalet li minkejja x-xettiċiżmu inizzjali, von der Leyen qablet mat-talbiet li għamel il-grupp bi proposti speċifiċi dwar leġislazzjoni.
Kien one.com.mt li iktar kmieni żvela li ħafna deputati soċjalisti kienu lesti li jappoġjaw in-nomina ta’ Von der Leyen.
Iktar qabel: Il-Membri Parlamentari Ewropej bdew jivvutaw dwar in-nomina ta’ Ursula von der Leyen għal President tal-Kummissjoni Ewropea.
Dan wara d-diskors li hi għamlet u d-dibattitu mal-Membri Parlamentari Ewropej iktar kmieni dalgħodu.
Sorsi li tkellmu ma’ ONE News fi Strasburgu fl-aħħar minuti spjegaw li minbarra l-appoġġ tal-Partit Popolari Ewropew, Von Der Leyen mistennija tgawdi mill-appoġġ ta’ ħafna mid-deputati soċjalisti. Għad mhux magħruf iżda kemm appoġġ Von Der Leyen qed tgawdi fost il-liberali.
Il-grupp tal-ħodor min-naħa l-oħra diġa ddikjara li ser jivvota kontra n-nomina tal-Ministru tad-Difiża tal-Ġermanja.
B’kollox huma mistennija jivvutaw 747 Membru Parlamentari Ewropew, bl-appoġġ ta’ mill-inqas 374 deputat ikun biżżejjed biex von der Leyen tinħatar.
F’każ li l-Parlament jivvota kontra, tqum dik li diversi membri parlamentari Ewropej fissru bħala kriżi inter-istituzzjonali, hekk kif il-Parlament jkun ċaħad in-nomina li saret mill-Kunsill Ewropew.
F’ċirkustanza bħal din, il-Kunsill Ewropew irid jinnomina isem ieħor fi żmien xahar.
Ir-riżultat tal-votazzjoni mistenni jkun magħruf sat-8 ta filgħaxija.