Tnieda proġett ta’ €200,000 li se jsarraf f’iżjed taħriġ għall-ħaddiema tal-Kunsilli Lokali madwar Malta u Għawdex. Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat mill-mekkaniżmu Finanzjarju tan-Norveġja hu mmirrat biex joffri aktar prinċipji lill-ħaddiema dwar governanza tajba, trasparenza u kontabilita’ fit-tmexxija.
Il-proġett se jitwettaq permezz ta’ taħriġ f’forom differenti ta’ inizjattivi kemm għal dawk eletti u anke ħaddiema aministrattivi. It-taħriġ se jingħata f’numru ta’ attivitajiet.
Il-Proġett tnieda f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis.
Is-Segretarju Parlamentari Parnis qal lill-iskop tal-proġett hu li jitjiebu l-ħiliet, sabiex joffru servizzi aħjar lill-kommunitajiet li jirrapreżentaw.
“Il-Kunsilli Lokali se jigwadnjaw fejn ikollna lokalitajiet ta’ eċċellenza. Aħna nifmhu l-irwol importanti li għandhom is-Segretarji Eżekuttivi fil-ħidma tagħhom fil-Kunsill Lokali u għaldaqstant b’dawn l-inizjattivi, b’dan it-taħriġ is-Segretarji Eżekuttivi se jkunu aktar aġġornati f’dak li jkunu qe djagħmlu fil-Kunsilli Lokali.”
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li t-trasparenza u l-governanza tajba huma prijoritajiet għal pajjiżna kif ukoll għall-Ewropa. Qal li fuq livell Ewropew, qed isiru numru ta’ inizjattivi u riformi f’dan il-qasam.
“Qed naraw li dawn it-temi qed isiru riformi kbar fuq livell Ewropew imma wkoll fil-pajjiż bid-diversi riformi li qegħdin nagħmlu u mal-gvern Norveġiż iddeċidejna li parti mill-fondi Norveġiżi jmorru wkoll għal dan it-taħriġ permezz ta’ €200,000 li issa se ninżlu fuq livell reġjonali u lokali, huwa importanti għax dan hu parti mill-pjan ħolistiku tal-gvern biex jimplimenta r-riformi.”
Żied jgħid li l-fondi ewropej qed jgħinu lill-pajjiżi Ewropej jilħqu standards ogħla fil-qasam tal-governanza u trasparenza.