"L-Ewropa għandha dmir morali li ssalva l-ħajjiet"- Von der Leyen | One News

Notifiki

“L-Ewropa għandha dmir morali li ssalva l-ħajjiet”- Von der Leyen

L-Unjoni Ewropea għanda d-dmir li ssalva l-ħajjiet għax dan huwa dmir morali u legali. 

Saħqet dan il-kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen fid-diskors tagħha fil-Parlament Ewropew. Hija saħqet li fl-aħħar ħames snin il-Mediterran sar wieħed mill-iżjed fruntieri perikolużi hekk kif mas-17,000 persuna tilfu ħajjithom huma u jfittxu ħajja ahjar.

Von der Leyen qalet ukoll li jridu jiġu miġġielda t-traffikanti tal-bnedmin u l-kriminalità organizzata. Saħqet ukoll li hemm bżonn li tinbeda malajr ir-riforma ta’ Dublin. Filwaqt li dawn id-diskussjonijiet se jkunu diffiċli ħafna, hemm bżonn urġenti ta’ riforma ħalli tiġi rispettata d-dinjità tal-bniedem.

Fid-diskors tagħha von der Leyen għamlet aċċenn ukoll dwar prijoritajiet oħra għal Kumissjoni li qed taspira li tmexxi. Fost dawn hemm it-tibdil fil-klima, fejn qalet li fl-ewwel 100 jum fil-Presidenza tal-Kummisjoni Ewropea se tressaq il-liġi li sejħet bħala Green Deal for Europe – l-ewwel liġi Ewropea li se tisħaq fuq newtralità fl-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050.

Fil-bidu tad-diskors tagħha von der Leyen qalet li tinsab onorata li 40 sena wara l-ħatra tal-ewwel mara bħala President tal-Parlament Ewropew, hi ġiet nominata biex tkun l-ewwel President mara tal-Kummissjoni Ewropea.

Saħqet iżda li fadal xi jsir fuq rappreżentanza ekwa. Dan hekk kif minn mijiet ta’ Kumissarji Ewropej li servew tul is-snin, 35 biss kienu nisa. Qalet li mhux aċċettabbli li f’Ewropa fejn hemm nisa daqs kemm hemm irġiel – inqas minn 20% tal-Kummissarji kienu nisa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend