Jibda studju dwar l-użu tal-arja kkundizzjonata fl-iskejjel – One News

Jibda studju dwar l-użu tal-arja kkundizzjonata fl-iskejjel

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni huwa favur l-użu tal-arja kkundizzjonata fl-iskejjel.

Filfatt huwa konxju li minkejja li l-maġġoranza tal-iskejjel ikunu magħluqin fl-iktar xhur sħan tas-sajf, ix-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Settembru xorta joffru sfidi fi skejjel bla arja kkundizzjonata.

Għal dan il-għan, il-Ministeru mbarka fuq studju dwar l-infrastruttura li hemm fl-iskejjel, u jekk din tikkumplimentax il-konsum tal-elettriku meħtieġ għall-arja kkundizzjonata.

Qed jiġu studjati u evelwati kwistjonijiet marbuta ma’ finanzi, sostenibbilità, u ambjent.

F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo saħaq li l-iskejjel ġodda u li qed jinbnew bħalissa kollha għandhom arja kkundizzjonata, iżda hemm ħafna li ilhom mibnija s-snin li m’għandhomx, u dan mhux minħabba nuqqas ta’ investiment, iżda għax l-infrastruttura li tissuplixxi l-elettriku fihom ma nbnietx b’tali mod li tiflaħ daqstant konsum.

“Aħna fejn qed nibnu u fejn nistgħu nirranġaw qed nieħdu ħsieb din il-problema. Hemm fejn irridu nagħmlu iżjed, hemm fejn anki s-servizz tal-elettriku jrid jissaħħaħ biex ikun jista’ jiġi pprovdut dan is-servizz imma naħseb ukoll li rridu nkunu aktar bilgħaqal u naħsbu iktar minn sempliċiment arja kkundizzjonata.”

Il-Ministru semma numru ta’ miżuri ambjentali li jridu jiġu kkunsidrati biex fost l-oħrajn iżidu d-dell fil-klassijiet u fil-kurituri.

Iktar minn kollox, il-Ministru tenna l-bżonn li l-iskejjel ma jkunux blokok ta’ bini u konkos, iżda jkunu post f’ambjent naturali għall-benefiċċju ta’ kull min ikun fihom.

“Aktar kemm id-dinja – mhux il-pajjiż biss, issir urbana jiġifieri ambjent mibni, iktar ikun hemm bżonn li nagħmlu siġar, li nagħmlu ġonna, li nagħmlu pjanti, kemm għall-ġid tas-saħħa mentali tagħna kif ukoll tas-saħħa fiżika tagħna.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend