L-amministrazzjoni Nazzjonalista ddikjarat il-petizzjoni li ġabret il-fazzjoni Busuttil biex jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali straordinarju li matulu talbu li jittieħed vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia bħala invalida.
Żvelat dan The Times of Malta li ġiet infurmata b’din id-deċiżjoni minn Francis Zammit Dimech, il-Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
It-Times irrappurtat li l-fazzjoni Busuttil jinsabu taħt xokk, hekk kif qiegħed jaslilhom li l-amministrazzjoni Nazzjonalista mmexxija minn Adrian Delia se tqies il-petitzzjoni tagħhom bħala invalida. Għalkemm l-amministrazzjoni Nazzjonalista għadha ma infurmatx lill-petizzjonisti b’din id-deċiżjoni, qalu li jinsabu rrabjati u inkoralati għal din id-deċiżjoni.
L-eks President tal-Eżekuttiv Mark Anthony Sammut qal lit-Times li din kienet aħbar għalihom u ma ġewx mgħarrfa b’din id-deċiżjoni.
Dan huwa insult għad-demokrazija li dejjem ħadem għaliha l-Partit Nazzjonalista qal l-ex President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.
Sammut iddikjara li l-petizzjoni tagħhom hija valida għax aktar minn mija u ħamsin kunsillier iffirmaw il-petizzjoni skont l-istatut tal-Partit.
Ma’ The Times Mark Anthony Sammut qal li waqt il-laqgħa tal-eżekuttiv li saret fl-ewwel Ħamis tax-xahar, fl-ebda ħin l-amministrazzjoni Nazzjonalista ma qalet li l-petizzjoni hija invalida.
“Il-petizzjoni tagħna hija valida, u ħadd ma jista jbiddel din il-petizzjoni” iddikjara Sammut.
Tliet ġimgħat ilu l-fazzjoni Busuttil ppreżentat petizzjoni b’mitejn firma ta’ kunsillier Nazzjonalista jitolbu sabiex isir Kunsill Ġenerali u titressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia wara li wassal lill-partit nazzjonalista għall-ikbar żewġ telfiet elettorali.
It-Times irrapportat li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jinsisti li l-vot dwar Adrian Delia jittieħed biss jekk il-mistoqsija li se jivvutaw dwarha l-kunsillieri Nazzjonalisti tintgħażel minn Adrian Delia.
Francis Zammit Dimech qal lit-Times li l-amministrazzjoni Nazzjonalista qiegħda tqies il-petizzjoni tal-fazzjoni Busuttil bħala invalida.
Żied li l-Kunsill Ġenerali straordinarju tal-Partit Nazzjonalista se jsir fuq talba ta’ Adrian Delia.
Iżda wara li tkellem ma’ The Times, Francis Zammit Dimech qal lin-newsbook li mhux vera li l-amministrazzjoni nazzjonalista qiegħda tqies l-petitzzjoni tal-fazzjoni Busuttil bħala invalida u li hu qatt ma qal dak il-kliem li bih ġie kwotat mill-ġurnalist Keith Micallef ta’ The Times of Malta. Din kienet it-tieni darba fi spazju ta’ ġimgħa li esponenti tal-partit Nazzjonalista ħarġu jakkużaw lil The Times li kwotathom ħażin.