BREAKING: It-tliet irġiel mixlija bil-qtil ta' DCG jitqiegħdu formalment taħt att ta' akkuża | One News

Notifiki

BREAKING: It-tliet irġiel mixlija bil-qtil ta’ DCG jitqiegħdu formalment taħt att ta’ akkuża

L-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat li jinsab mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jistgħu jibqgħu jinżammu arrestati sa massimu ta’ 20 xahar ieħor wara li t-Tlieta filgħodu tqiegħdu uffiċjalment taħt att ta’ akkuża u b’hekk jistgħu jgħaddu ġuri b’rabta ma’ dan l-omiċidju li bħal-lum wieħed u għoxrin xahar ħasad pajjiż.

Dan għax permezz tal-att tal-akkuża jerġa’ jiskatta perjodu massimu ta’ għoxrin xahar li matulu l-qorti tista’ tibqa’ tiċħad il-ħelsien mill-arrest tal-imputati.

L-att tal-akkuża nħarġet wara li ġiet uffiċjalment fi tmiemha l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tagħha wara biss 21 xahar mil-qtil ta’ Caruana Galizia.

L-Avukat Ġenerali qed jakkuża lill-aħwa Degiorgio u lil Muscat b’sitt kapi ta’ akkuża u qed jitlob li jiġu kkundanati sa għomorhom il-ħabs.

Huma qed jiġu mixlija bl-omiċidju ta’ Caruana Galizia, li ħolqu splużjoni biex joqtluha, li kellhom fil-pussess tagħhom splussiv kontra l-liġi, li assoċjaw ruħhom ma’ persuni biex jagħmlu d-delitt u li ffurmaw għaqda bil-ħsieb li jagħmlu reat.

L-att ta’ akkuża ġiet ippreżentata t-Tlieta filgħodu mill-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u l-Avukat Nadia Attard mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-aħwa George u Afred Degorgio ta’ 56 u 54 sena flimkien ma’ Vince Muscat magħruf bħal l-Koħħu ta’ 57 sena tressqu l-qorti għall-ewwel darba b’rabta ma’ dan il-każ fil-5 ta’ Diċembru ta’ sentejn ilu.

Huma ġew arrestati fl-4 ta’ Diċembru tal-2017, 49 jum biss wara l-qtil. Dan f’operazzjoni mmexxija mill-investigaturi ewlenin tad-delitt l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.

Tul il-kumpilazzjoni tax-xhieda, il-Pulizija ressqet ’il fuq minn 150 xhud.

Xhieda ewlenija fil-każ kienet tal-Ispettur Arnaud li kien irrakkonta b’dettall kbir kif seħħ l-omiċidju u kif il-Pulizija bil-għajnuna ta’ forzi barranin wasslet għat-tliet akkużati.

Waqt il-kors tal-kumpilazzjoni kien ħareġ li l-bomba tpoġġiet taħt is-seat tax-xuffier lejlet l-omiċidju u ġiet attività b’SMS minn fuq jott taħt is-swar fil-Port il-Kbir. Intqal kif l-aħħar li saq il-karozza tal-vittma kien binha Matthew, li kien ħalla l-karozza pparkjata f’triq biswit id-dar tagħha fil-Bidnija.

Kien biss wara tliet ijiem mill-bidu tal-kumpilazzjoni tax-xhieda li l-Maġistrat Stafrace Zammit kienet sabet biżżejjed provi biex l-akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża, u għalhekk setgħet tkompli l-kumpilazzjoni kontrihom.

Wara li ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-Koħħu, il-Qorti għad trid tiddeċiedi jekk l-aħwa Degiorgio għandhomx jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Intant b’reazzjoni, il-Gvern qal li din hija prova oħra  tal-impenn u t-tħaddim tajjeb tal-istituzzjonijiet Maltin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend