Se jkunu provduti klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC bi preparazzjoni għar-resits – One News

Notifiki

Se jkunu provduti klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC bi preparazzjoni għar-resits

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xoghol jniedi l-inizjattiva bla ħlas għal klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC taħt il-programm  tal-Youth Guarantee Project iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea għas-sitt sena konsekuttiva. Din l-inizjattiva hija mmirata għall-istudenti li ser ikunu qed jagħmlu r-resits fil-Bijoloġija, Ingliż, Malti, Matematika u Fiżika f’Settembru. 

Sa mill-bidu taghha fl-2014, il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC assistew lil aktar minn 3,239 student u taw riżultat favorevoli sena wara sena.  B’investiment ta’ aktar minn € 700,000 mill-2014, l-istudenti qed ikunu assistiti u mħeġġa jkomplu l-esperjenza edukattiva tagħhom permezz ta’ opportunità oħra.

Il-klassijiet ser jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat f’ċentri differenti madwar Malta u Għawdex, u jibdew fl-24 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Awissu.  Studenti bejn 15 u 24 sena li ġabu marka 6, 7, U jew li ma marrux għal xi eżami mill-ħames suġġetti ewlenin imsemmija hawn fuq huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet.

L-istudenti jistgħu jagħżlu li jieħdu klassijiet f’massimu ta’ tliet suġġetti. Wieħed jista’ jagħżel bejn il-Bijoloġija u l-Fiżika.

Dan huwa kors intensiv li jitlob l-attenzjoni sħiħa tal-istudenti, speċjalment dawk li qegħdin jerġgħu joqogħdu għal aktar minn suġġett wieħed.

L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru education.gov.mt/revision sal-Erbgħa 17 ta’ Lulju 2019 sa f’nofsinhar.

Għal iktar informazzjoni dwar il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC tal-Youth Guarantee wieħed jista’ jċempel fuq 2598 2280/1/2/3, jew  iżur www.youthguarantee.edu.mt jew iżur il-paġna Facebook – Youth Guarantee Malta.

Meta japplikaw għall-klassijiet preventivi, l-istudenti mhumiex qed japplikaw awtomatikament għall-eżami tar-resit, għalhekk wieħed irid japplika wkoll għar-resit mal-MATSEC.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *