Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jkollu jerġa’ jitlaqqa’ t-Tlieta li ġej biex jiddiskuti l-Kunsill Ġenerali li matulu l-Kap Nazzjonalista mistenni jħabbat wiċċu ma’ vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu.
It-talba biex l-eżekuttiv jitlaqqa’ mill-ġdid għamilha l-President tal-Eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Nazzjonalsita Alex Perici Calascione li huwa qrib ħafna tal-fazzjoni Busuttil.
Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-petizzjonisti li ressqu l-petizzjoni biex jitlaqqa’ l-kunsill ġenerali biex jisfiduċjaw lil Delia, bagħtu ittra lil Perici Calascione jsostnu li l-mistoqsija li se jintalbu jwieġbu l-kunsillieri nbidlet kompletament minn kif inkitbet fil-petizzjoni oriġinali.
L-ex President tal-Kunsill Mark Anthony Sammut u Ivan Bartolo, ek kandidat tal-partit allegaw ukoll li l-lista ta’ kunsillieri eleġibbli li jivvotaw ġiet iffriżata mid-data li fiha Delia sejjaħ kunsill ġenerali u mhux mindu tressqet il-petizzjoni.
Fi tweġiba tiegħu, Perici Calascione wera biċ-ċar li ma kienx sodisfatt bl-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli dwar it-tħassib li qajjem miegħu Mark Anthony Sammut, ir-rapprezentant tal-petizzjoni li qed jistaqsu jekk Delia għandux jibqa’ fit-tmexxija.
F’artiklu ppubblikat mill-istess nies tal-fazzjoni Busuttil fuq The Times ingħad li waqt li l-petizzjoni tagħhom sejħet għall-vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia, il-petizzjoni l-oħra waħħlet f’kulħadd minbarra fih.
Żiedu jgħidu li huma anqas minn 40 fil-mija tan-Nazzjonalisti li għandhom fiduċja f’Delia u li dan ifisser li 83 elf Nazzjonalist qed jgħidu li mhux lesti jivvotaw għalih.
Sostnew li fil-Partit Nazzjonalista m’hemmx fazzjonijiet u li din hija propaganda tal-partit laburista li qed tintuża mit-tmexxija ta’ Delia biex tgħatti l-fallimenti tagħha.
Fl-istess waqt sostnew li issa spiċċa ż-żmien tal-iskużi. Fakkru li din mhix l-ewwel darba li l-kapijiet tal-partit nazzjonalista ħadu vot ta’ fiduċja u qalu li meta Fenech Adami u Gonzi għamlu dan kisbu l-appoġġ kbir ta’ aktar minn 95 fil-mija tal-kunsillieri.
Saħqu li issa li ssejjaħ vot ta’ fiduċja f’Delia, għandhom jieqfu x-xennaġġjati li għaddejjin minn taħt biex jibdlu l-mistoqsija u t-tbagħbis li għaddej fil-lista tal-kunsillieri eleġibbli li jivvotaw għax dan mhu jagħmel l-ebda ġid lill-partit u lit-tmexxija tiegħu.
Huma temmew jgħidu li ż-żmien qed igerbeb u kulma fadlilhom huma biss ġimagħtejn biex isalvaw lill-Partit Nazzjonalista.
Intant iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit spiċċaw jakkużaw lil xulxin b’manuvri anti-demokratiċi, tant li l-Partit Nazzjonalista spiċċa jiddefendi lilu nnifsu mill-akkużi tal-fazzjoni Busuttil billi jgħid li se jibqa’ jgħożż il-valuri tad-demokrazija, is-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-libertà tal-espressjoni u f’botta ċara lejn l-istess nies li jippridtkaw ħafna fuq dawn il-valuri, qalilhom li qed iħares ‘il quddiem għal kull diskussjoni bbażata fuq il-verità tal-fatti!