Żagħżugħ ta’ 17-il sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti qed jinżamm arrestat wieġeb ħati għal akkużi ta’ vjolenza domestika fuq ommu. Huwa tressaq il-Qorti l-Ħadd filgħodu mill-Ispettur Eman Hayman.
L-imputat skuża ruħu m’ommu talli refa’ jdejh fuqha u kkawżalha xi ġrieħi, u li kkawża xi ħsarat fuq oġġetti t’ommu. Apparti minn hekk il-prosekuzzjoni akkużatu wkoll li m’obdiex l-ordnijiet mogħtija mill-pulizija.
Preżenti fl-awla kien hemm omm l-akkużat li b’għajnejha miksurin esprimiet li t-tifel tagħha għandu bżonn l-attenzjoni u l-kura. Minkejja dak li ġara, l-omm mbikkma stqarret li hi kienet lesta li żżommu magħha d-dar għaliex it-tifel ma kellux post ieħor fejn jista’ joqgħod.
L-avukat tal-għajnuna legali Mark Mifsud Cutajar talab għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke ħasset li kien hemm bżonn aktar ħin sabiex tingħata sentenza u b’hekk ċaħdet it-talba għall-ħelsien.